Sunday, December 11, 2011

Ġustizzja għal Paul Hili



Nixtieq ningħaqad mal-appelli li saru mis-Segretarju Ġene­rali tal-GWU, is-Sur Tony Zarb, u minn Dr Joe Mifsud, fil-gazzetta L-Orizzont, biex l-awtoritajiet li jissorveljaw il-ġustizz­ja f’pajjiżna jagħmlu skrutinju bir-reqqa tal-każ ta’ Paul Hili, li kien involut f’incident fis-sena 2003 u li bħalissa qed jiskonta sentenza ta’ 12-il sena ħabs.

Paul kien ħallas kumpens finanzjarju qawwi lill-persuna l-oħra involuta fl-inċident, u ma kienx stenna l-kundanna tal-qorti biex jagħ­mel dan.Ninsab f’kuntatt kontinwu ma’ Paul Hili. Iktar ma jgħaddi ż-żmien, u nieħu pariri minn professjonisti fil-kamp legali, iktar nirrealizza kemm dan huwa każ ġenwin li jixraqlu jerġa’ jkun eżaminat.

Jeħtieġ li jkun aċċertat li Paul ma jagħmilx ġurnata ħabs iktar milli tassew ħaqqu. Jidher biċ-ċar li l-verdett u d-deċiżjoni tal-Appell li ngħataw fil-każ tiegħu, kienu ħorox izżejjed meta mqabblin ma’ każijiet oħrajn ferm aktar serji mill-inċident li Paul kien involut fih. L-ebda arma regolari, bħal ngħidu aħna mus jew pistola, ma ntużat fil-każ ta’ Paul, u minkejja dan, xorta fl-appell instab ħati għal 12-il sena ħabs. Paul ilu ’l fuq minn ħames snin fil-ħabs. Huwa ħadem kemm felaħ biex jgħin lill-awtoritajiet ċivili tal-ħabs, u lil dawk li jipprovdu servizz reliġjuż fil-ħabs. Għen lill-priġunieri bla distinzjoni ta’ xejn, l-aktar lil dawk żgħażagħ, fejn kien strumentali biex issir il-kċina fit-taqsima taż-żgħażagħ Youths.

Dan jirrifletti l-impenn ċivili li Paul kien juri qabel ma daħal il-ħabs, fejn kien attiv bħala President tat-Taqsima Marittima u Avjazzjoni tal-GWU, President tal-Works Council fl-Air Malta, u kien involut ukoll fil-klabb tal-Waterpolo ta’ San Ġiljan. Qabel ma kien involut f’dan l-inċident, Paul kellu kondotta nadifa tazza.

Inħeġġeġ lill-għaqdiet kollha fis-soċjetà ċivili, li għandhom għal qalbhom il-ġustizzja, biex jinteressaw irwieħhom f’dan il-każ. Bħalma jsiru kampanji barra minn Malta, hekk ukoll jeħtieġ li jsir f’dan il-każ, biex l-aw­toritajiet kompetenti ja­għ­­­rfu l-ħtieġa li dan il-każ jerġa’ jkun eżaminat.

Paul Hili stess jirrikonoxxi l-fatt li kellha ssir ġustizzja minn dak li wettaq hu, iżda kemm Hili nnifsu u n-nies midħla tas-sistema tal-ġustizzja, iħossu li dan il-każ ma kienx ħaqqu din il-piena severa.