Sunday, October 16, 2011

It-tigdid li jsahhah u jghaqqad lill-unjins


Inħoss li jien li nifforma parti mill-ġenerazzjoni l-ġdida fit-trade unions għandi nagħmel ħilti kollha biex jissaħħu r-relazzjonijiet bejn l-unions f’Malta. Jekk l-unions ikunu mifrudin, hekk ukoll ikunu l-ħaddiema. Għax x’inhuma l-unions jekk mhux l-ambaxxa-turi tal-ħaddiema? Għalhekk qed ninnota b’sodisfazzjon il-ħidma li qiegħda tagħmel il-GWU biex jissaħħu r-relazzjonijiet bejn it-trade unions f’pajjiżna. Sodisfatt b’din il-ħidma għax konxju li tista’ sservi biss ta’ ġid biex tissaħ-ħaħ il-vuċi tal-ħaddiema f’pajjiżna.

F’Malta għandna tliet kon-federazzjonijiet tat-trade unions. Dawn huma l-GWU, il-Forum Unions Maltin u s-CMTU. Kif tafu, bejn il-GWU u l-Forum jeżistu relazzjonijiet tajbin. Dawn ir-relazzjonijiet ma nbnewx b’kumbinazzjoni. Inbnew bil-mod il-mod matul l-aħħar snin permezz ta’ fiduċja reċiproka miż-żewġ naħat. Permezz ta’ rieda tajba li naħdmu fuq dak li jgħaqqad-na, laqgħat soċjali bejnietna u skambju ta’ ideat kontinwu. Imbagħad għandek is-CMTU. Is-CMTU, li ġo fiha nsibu l-Union Ħaddiema Magħqudin. Fi ħdan dawn il-konfederazzjonijiet issir ħidma fejjieda favur il-ħaddiema minn dawk kollha li għandhom għal qalbhom l-għaqda fost il-ħaddiema.

Diġà qed ikun hemm laq-għat bejn uffiċjali ta’ dawn it-tliet konfederazzjonijiet. Jeħtieġ li naħdmu biex fi żmien qasir nibdew nikkollaboraw flimkien fuq materji bħalma huma l-edukazzjoni u t-taħriġ, kemm tat-trejdunjonisti u anke
tal-ħaddiema li nirrappreżen-taw fuq il-postijiet tax-xogħol. Naħdmu flimkien fuq temi bħas-Saħħa u s-Sigurtà u l-liġi tax-xogħol. Hemm bżonn li lkoll kemm aħna niġbdu ħabel wieħed biex fi żmien qasir inġibu riżultati li għalkemm jinħassu żgħar ikunu tassew importanti.

Jeħtieġ li nibdew telgħin bil-mod il-mod, b’rifsa soda fuq kull tarġa, sakemm xi darba jirnexxielna naslu li jkollna Kunsill tat-Trade Unions f’pajjiżna. Din tkun ġabra tat-trade unions kollha taħt saqaf wieħed bil-għan li niġbru r-riżorsi kollha li għandhom l-unions għad-dispożizzjoni ta’ kull ħaddiem, hu ta’ liema union hu. Bil-għan li għada pitgħada f’pajjiżna nibdew naraw laqgħat flimkien bejn membri tal-GWU, tal-UĦM, tal-MUT, tal-MUMN u ta’ kwalunkwe union oħra f’pajjiżna biex infasslu politika komuni bejnietna. Din hija mira li tidher ’il bogħod, iżda mhux impos-sibbli li xi darba tintlaħaq.

B’Kunsill tat-Trade Unions tinħoloq klima fejn id-deċiż-jonijiet li nieħdu u l-politika li nfasslu tkun qiegħda toffri direzzjoni iktar soda lill-unions f’pajjiżna. Bl-ebda mod ma rrid infisser li l-isfidi kollha tat-trejdunjoniżmu se jkunu solvuti bil-ħolqien ta’ din l-għaqda bejn l-unions, iżda ċertament noħolqu klima fejn aħna li nagħmlu parti mill-unions ikollna qagħda iktar b’saħħitha biex ninnegozjaw mal-industrijalisti u ma’ kwalunkwe sidien oħra fil-pajjiż.

L-indipendenza ta’ kull union fid-deċiżjonijiet li jittieħdu għandha tibqa’ tkun rispettata. Iżda fejn nistgħu naħdmu flimkien ejjew ħa naħdmu flimkien. Nistgħu nieħdu eżempju mill-Ingil-terra. Dawn għandhom Trade Union Congress (TUC). Meta dawn ifasslu politika dwar l-ambjent jew ix-xogħol prekarju, ifassluha biex jagħtu direzzjoni lill-unions kollha miġbura taħthom fil-pajjiż. B’hekk l-unions jimxu f’direz-zjoni waħda biex jilħqu miri komuni.

Jekk it-trejdunjonisti ta’ dan il-pajjiż iridu jwettqu dak li ilu għexieren ta’ snin biex jitwettaq, jeħtieġ li nisfidaw il-kultura li ġejjin minna. Biex tbiddel kultura trid iż-żmien, iżda dan il-GWU diġà qiegħda f’qagħda li tagħmlu.

F’dawn l-aħħar sentejn il-GWU qed jirnexxilha ddaħħal membri ġodda li m’għand-homx rabta ma’ tip ta’ politika jew oħra. Fil-GWU daħlu plejers tal-futbol, carers tad-Dar tal-Providenza u tan-Novitas, ħaddiema tal-RTK, u b’sodisfazzjon kbir insemmi l-1,350 student li t-taqsima taż-żgħażagħ li ġej minnha jien irnexxielna ndaħħlu f’din l-aħħar sena. Fl-ewwel ġimgħa ta’ Ottubru ta’ din is-sena daħħalna mal-mija u ħamsin student Universitarju ġdid fis-sezzjoni taż-żgħazagħ tal-GWU.
Ilu li spiċċa ż-żmien li l-ħaddiema jinqasmu skont il-kulur politiku tagħhom. Il-qagħda tal-ħaddiem f’paj-jiżna ma titkejjilx skont il-kulur politiku. Il-qagħda ta’ kategorija ta’ ħaddiema titkejjel skont il-kundizzjonijiet u l-benefiċċji li jkunu qegħdin jaħdmu bihom fil-postijiet tax-xogħol tagħhom.

Jekk m’aħniex se nkunu konvinti fuq din il-ħaġa, m’aħna se naslu qatt f’sitwaz-zjoni fejn il-ħaddiem Malti jkun magħqud fuq missjoni nazzjonali waħda. Ejjew ma nħallu l-ebda politiċi, ġejjin minfejn ġejjin, jikkundizzjonaw il-politika tal-unions. Aħna l-esperti tat-trejdunjoniżmu, u għalhekk m’għandniex għalfejn ngħixu taħt id-dell ta’ ebda partit politiku. Għandna nkunu lesti li nieħdu parir mingħand kulħadd, iżda m’għandna nħallu lil ħadd jikkundizzjona l-policies tal-union li nkunu ġejjin minnha. Huwa dan id-dell politiku li għal ħafna żmien xekkel lill-unions milli jingħaqdu. Daqqa għal raġuni u daqqa għal oħra. Ejjew nimxu lejn sitwazzjoni fejn jiggverna min jiggverna f’dan il-pajjiż, is-saħħa tal-unions tkun dejjem qawwija biex tgħin fit-titjib tal-qagħda tal-ħaddiema u l-professjonisti f’pajjiżna.

Ejjew niftakru li f’kull post tax-xogħol fejn hemm it-trade unions, hemm il-potenzjal li noffru kundizzjonijiet aħjar għall-ħaddiema. Kemm għax il-ħaddiem ikun organizzat u anke għax il-ħaddiem ikun mogħni bi ftehim kollettiv u s-saħħa tal-għaqda fost il-ħaddiema. Il-ftehim kollettiv hija l-għodda li għandna nibqgħu nesiġu li kull ħad-diem ikollu biex itejjeb il-kundizzjonijiet tax-xogħol li jaħdem fihom. Drittijiet oħra li għandu l-ħaddiem, fosthom id-dritt li jistrajka, m’għandna nħallu lill-ebda professur tas-suq ħieles jipprova jnaqqru.

It-tir tagħna ż-żgħazagħ fil-GWU hu li nkunu ta’ servizz lill-ħaddiema li jeħtieġu jkunu magħquda biex jibnu mill-ġdid qagħda soċjali f’saħħitha li tiż-gura futur lill-ġenerazzjonijiet ġodda ta’ pajjiżna. Ċert li b’għaqda bejn il-unions inkunu kapaċi naslu biex nilħqu miri li qatt ma lħaqna qabel. B’kuraġġ u b’determinazzjoni naslu biex nissaħħu. Iżda biex nissaħħu jeħtieġ li nkomplu niġġeddu.