
Kull fejn għoġbu jfarrak dan il-Gvern, għamlu b’sens ta’ vendikazzjoni mal-ħaddiema. Kien hemm żmien li kien jgħid li qalbu qiegħda mal-ħaddiema, iżda l-istorja wriet li qalbu hija mwaħħla mat-tradiment tal-ħaddiema.
Infakkarkom li l-Gvern fost l-oħrajn farrak is-SeaMalta, it-Tarznari, l-Air Malta u t-Trasport Pubbliku. Il-kelma ristrutturar kienet fil-verità vendikazzjoni mill-ħaddiema u minn dawk kollha li fl-imgħoddi jew fil-preżent dejjem kellhom u baqa’ jkollhom għal qalbhom il-ġid u l-għaqda fost il-ħaddiema.
Pastaż mill-kbar
Trid tkun altru pastaż mill-kbar biex bħala ministru inkarigat mill-Air Malta, malli tara li l-bdoti se jagħmlu strajk taqbad thedded li l-assi tal-kumpanija se tagħmilhom flus u tibgħat lil kulħadd ’il barra. Mhux talli jridu jkeċċu 511-il ħaddiem mil-linja nazzjonali, talli jiġu jaqgħu u jqumu jekk il-ħaddiema jitkeċċewx kollha kemm huma.
Il-Madonna dehritlu biss meta ġejna għad-divorzju! Issa li hawn tant sensji ppjanati, possibbli li lanqas il-Madonna ta’ Borġ in-Nadur, li qiegħda tefgħa ta’ ġebla bogħod minna, ma rnexxielha tidhirlu!?
Lill-Ministru Fenech, li huwa wkoll jibbenefika mill-€500 żieda fil-ġimgħa, ngħidlu biex ma joqgħodx ikun avventuruż ħafna u jilgħabha ta’ Popeye. Imissu jiftakar li jekk xi darba jasal bl-ajruplan minn barra u l-ħaddiema jagħżlu li ma jwasslulux it-taraġ fejn il-bieb tal-ajruplan, imbagħad malajr naraw minn ikun kiel l-iktar spinaċi.
Ċwieċ Maltin
Napprezza l-mod li bih qed jaħdem Dominic Azzopardi, President tal-Assoċjazzjoni tal-Piloti. Nies determinati bħal dawn huma mexxejja li jeħtieġ naraw iktar minnhom fit-trejdjunjoniżmu li jirrappreżenta kemm lill-ħaddiema u anke lill-professjonisti. Il-Ministru Fenech ħaseb li Azzopardi se jinfaqa’ jibki malli jheddu li l-Air Malta jaf tispiċċa falluta. Falluta iktar milli ġabuha, bit-toqol tal-MIA, ma tistax tkun.
Dan huwa Gvern li tilef il-fiduċja ta’ dawk in-nies li serqilhom il-vot u ta’ dawk li qatt m’għażlu li jemmnuh. Daħak b’kemm alla ħalaq ħaddiema. Kien jaf bil-problemi tal-Air Malta minn qabel l-elezzjoni, u xorta kellu l-wiċċ vili li qabel l-elezzjoni li għaddiet jibgħatilhom ittra fejn fiha jinformahom li x-xogħol tagħhom huwa garantit taħt Gvern Nazzjonalista.
Ġenji barranin
Barra minn dawn iċ-ċorma ċwieċ Maltin li qegħdin imexxu pajjiżna, ċwieċ li lanqas kapaċi jgħidu jekk triq fir-Rabat hijiex responsabbiltà tagħhom jew tal-Kunsill Lokali, għandna ġenji barranin.
Ġenji barranin bħal Peter Davies, Kap Eżekuttiv tal-Air Malta, li qed jitħallas €500,000 biex iċaħħad lil ruxmata Maltin ħutna milli jibqgħu jaqilgħu il-ħobża ta’ kuljum. In-nofs miljun ewro ma jibbastawhx, għax bħala partajm u fuq bażi privata jmexxi lukanda fl-Ingilterra. Xortih tajba tafux, mhux bħall-ħaddiema li jaqgħu taħtu!
Tajjeb tkunu tafu li dan il-ġenju barrani, f’ittra li bagħat lill-piloti, għoġbu jiddeskrivi l-istrajk li beħsiebhom jagħmlu bħala irresponsabbli. Mhux talli hekk, talli fl-ittra stess rama jwaħħal f’dan l-istrajk li se jsejħu, bħala l-kawża għal telfien ta’ ‘bookings’. Dan ġie hawn Malta u qed jitħallas bil-belli liri mit-taxxi tiegħek u tiegħi.
Ta’ dawn il-flus kull ma rajna minnu s’issa huma sensji u paroli bħal dawk tal-Ministri Fenech u Gatt, li huma wisq magħrufin għall-frejjeġ. Davies, minn flusna soluzzjonijiet irridu, mhux intimidazzjoni lill-ħaddiema li jeżerċitaw id-drittijiet tagħhom!
Nagħaġ jew iljuni?
Lill-piloti minn hawn inħeġġiġhom biex għada ma jiddejqu xejn jikkonfermaw l-istrajk maħsub għal nhar is-Sibt. Ftakru li nhar il-Ġimgħa il-GWU u l-FORUM flimkien mal-ħaddiema li jirrappreżentaw u dawk kollha li jappoġġjawhom, lesti jkunu l-Belt biex jiddefendu l-ħobża tal-familji kollha li jaħdmu fl-Air Malta.
Lill-Gvern ngħidlu jirringrazzja lil Alla li aħna l-Maltin għadna m’aħniex qegħdin nagħmlu bħall-Ewropej sħabna fi Franza, fl-Ingilterra, fl-Italja u fil-Greċja. Li kieku qegħdin nagħmlu bħalhom, il-governabilità ta’ dan il-Gvern kienet tkun f’xifer l-irdum. Dawn l-Ewropej sħabna lesti jaqbżu għal drittijiethom kull meta jilagħbulhom ma’ ħobżhom. Ejjew nagħtu prova ta’ kemm aħna għandna demm Ewropew u ninġabru fi Pjazza San Ġorġ, fil-Belt Valletta, nhar il-Ġimgħa fil-5.30 p.m. b’solidarjetà ma’ sħabna tal-Air Malta.
[Artiklu ppubblikat f'L-Orizzont tat-Tlieta 12 ta' Lulju, 2011]
0 comments:
Post a Comment