Thursday, June 30, 2011

Xogħol prekarju, moħbi jew garantit!


Waħda mill-ikbar sfidi li qed jiffaċċja s-suq tax-xogħol Malti huwa proprju ż-żieda fix-xogħol prekarju. Tliet oqsma partikolari li qed narawhom imnawrin minn dan ix-xogħol prekarju huma dawk tas-servizzi tas-sigurtà, tat-tindif, u l-careworkers fl-isptarijiet. Magħhom hemm oqsma oħrajn tax-xogħol, li lanqas huma biss dikjarati. Ix-xogħol prekarju, meta jkun dikjarat, għandu ħabta jimxi fuq ħabel fin bejn dak li hu legali u dak li hu illegali.

Għalkemm għandna liġi tax-xogħol li toffri ħarsien xieraq lill-ħaddiema, ħafna drabi l-ikbar problema tkun l-infurzar tal-liġi nnifisha. Bosta huma dawk il-ħaddiema li jafu li qed ikunu mċaħħdin minn drittijiet li l-post tax-xogħol joffrilhom, u ma jitkellmux bil-biża’ li jitkeċċew. Fl-istess waqt, bis-saħħa tal-unjins, qed jiżdiedu dawn il-ħaddiema vittmi tal-prekarjat li qed isemmgħu leħinhom, u qed iħeġġu lil sħabhom biex jingħaqdu f’unjin. L-iktar unjin li qed jirnexxilha tagħmel dan hija l-GWU, li kienet tal-ewwel u qatt ma waqfet tqanqal il-kuxjenza dwar ix-xogħol prekarju.

Soluzzjonijiet


It-Taqsima Professjonisti, Finanzi u Servizzi tal-GWU sabet mezz kif toħloq ilqugħ kontra x-xogħol prekarju. Inkludiet il-ħlas minimu tal-ħaddiema bħala parti mill-kundizzjonijiet tat-tender fil-każ tal-Gwardjani Lokali. Barra minn hekk hija lesta tkun ta’ għajnuna lil dawk kollha li jkunu se joffru tender biex jaċċertaw rwieħhom li min ikun imħaddem mill-kumpanija li tieħu t-tender, ikollu d-drittijiet tiegħu mħarsin mill-kundizzjonijiet tat-tender innifsu.

Din il-prattika tajba, li jkollok il-ħlas minimu ddettat fil-kundizzjonijiet tat-tender, tista’ tkun użata f’setturi oħrajn tal-impjiegi biex ikun żgurat li l-ħaddiem ikollu l-paga, il-leave, is-sick leave, il-bolla u t-taxxi onorati kif għandu jkun. Sfortunatament il-Gvern stess qed iżid ir-riħ fil-qalgħa tax-xogħol prekarju b’kuntratti li qed jingħataw minn entitajiet bħal Transport Malta, id-Diviżjoni tal-Edukazzjoni, il-Ministeru tal-Affarijiet Soċjali u saħansitra l-ETC!

Is-suq l-iswed

Iktar inkwetanti huma dawk il-ħaddiema li jaħdmu bla ktieb. Dawn mhuma rregolati mill-ebda liġi, għax appuntu qed jaħdmu fil-moħbi tagħha. Huma bosta l-immigranti li ġew mill-Afrika u anke minn pajjiżi Slavi jew tal-eks-Unjoni Sovjetika, li qed jaħdmu f’oqsma tax-xogħol, bħal fil-kostruzzjoni, u ma nafu xejn mill-kundizzjonijiet li bihom qed jitħaddmu.

In-nisa, li f’Malta pparagunati mall-medja Ewropea, għandhom rata ta’ parteċipazzjoni mill-iktar baxxa fis-suq tax-xogħol, għandhom mnejn jiffaċċjaw ċirkostanzi li jġegħluhom ma jiddikjarawx ix-xogħol tagħhom skont il-liġi. Dan jista’ jkun anke minħabba l-fatt li jkunu jaħdmu f’negozji tal-familji tagħhom li jagħtuhom ċerta flessibilità li jlaħħqu mal-esiġenzi tal-familja, u fl-istess waqt ikollhom dħul ieħor.

Sfortunatament ir-riċerka dwar ix-xogħol mhux dikjarat f’pajjiżna hija fqira, u dik li saret kienet iktar għaġġelija milli korretta. Ix-xogħol fis-suq l-iswed tal-ekonomija jagħti lok għal:
•kompetizzjoni inġusta lil dawk li jaħdmu bil-ktieb u lil sidien ta’ kumpaniji regolari
•sfruttament tal-ħaddiema peress li l-liġijiet ma japplikawx
•nuqqas ta’ kontroll fuq is-suq tax-xogħol minn dawk kollha kkonċernati
•nuqqas ta’ ħarsien tas-saħħa u s-sigurta’ fuq il-post tax-xogħol
•nuqqas tal-edukazzjoni meħtieġa sabiex ħaddiem isibha iktar faċli li jimpjega ruħu.

Tradiment

Nuri solidarjetà sħiħa mall-ħaddiema tal-AirMalta li qabel l-elezzjoni li għaddiet ġew imwegħdin garanzija ta’ xogħol bil-miktub mill-Prim Ministru. Għal darb’oħra qed naraw kif l-immaniġġjar ħażin tal-kumpaniji statali fl-aħħar mill-aħħar qed jagħmel tajjeb għalih il-ħaddiem u dawk li jħallsu t-taxxi.

Nixtieq inkun naf min se jwieġeb għall-prattiċi ħżiena li wasslu lill-AirMalta fejn qiegħda llum. Huwa minnu li t-titjiriet lejn Brussell ġieli raw tibdiliet fl-itinerarju skont l-eżiġenzi ta’ passiġġier speċjali?

[Artiklu ppubblikat fil-ġurnal L-Orizzont ta' nhar it-Tlieta 28 ta' Gunju, 2011]

No comments: