
F’din il-ġimgħa li għaddiet komplejna naraw kif f’pajjiżna għandna ftit għasafar kbar u ħafna għasafar żgħar. Filwaqt li lill-ħaddiema tas-Selmun Palace Hotel kienu qegħdin jgħidulhom li ma fadalx xogħol għalihom, il-Ministri kienu qegħdin iħabblu rashom kif ma jitilfux €500 iżjed fil-ġimgħa. Naqta’ rasi li l-ebda wieħed mill-ħaddiema tal-lukanda f’Selmun ma jieħu €500 fil-ġimgħa. B’dan kollu nindunaw kif f’pajjiżna l-għasafar il-kbar dejjem qed jittajru iktar fil-għoli, u ż-żgħar dejjem qed jitqasqsulhom ġwenħajhom.
Il-ħaddiema f’Selmun
Lill-ħaddiema f’Selmun, il-Prim Ministru malajr sabilhom soluzzjoni. Qalilhom biex imorru l-ETC! Dawn huma l-ewwel 58 sensja, minn 600 li jidher li huma ppjanati. Iżda bil-liġi, is-sensji ta’ grupp ta’ ħaddiema ma jistgħux isiru mingħajr negozjati mal-unjin. Peter Davies, il-Kap Eżekuttiv tal-Air Malta, għamilha ta’ bir-ruħu li dan ma kienx jafu, iżda l-GWU u d-Dipartiment tal-Impjiegi u r-Relazzjonijiet Industrijali malajr għenuh isir jaf dan.
Il-ħaddiema tal-Air Malta huma grupp ieħor ta’ ħaddiema traduti minn Gonzi. Kien biss kaċċa għall-voti il-kliem fieragħ li qal Gonzi lil dawn il-ħaddiema qabel l-elezzjoni. Bħalma kien kliem fieragħ dak li ntqal dwar il-ħaddiema tat-Tarzna. Sa Novembru li għadda ċ-Ċermen tal-Air Malta kien qed iserraħ ras il-ħaddiema. Qalilhom li ma kellhomx għaliex jagħtu kas dak li kien qed jinkiteb fil-gazzetti, għax ma kienx minnu li kienu se jitilfu l-impjieg tagħhom. Issa qegħdin f’Ġunju, u l-Kap Eżekuttiv qed jgħid biċ-ċar li sal-aħħar ta’ Ottubru li ġej se jkunu qed isiru s-sensji kollha li huma ppjanati.
Kunfidenti li l-GWU se tkun għal darb’oħra qiegħda taqbeż għad-drittijiet tal-għasafar iż-żgħar, li reġgħu ġew ittraduti mill-għasafar il-kbar ta’ dan il-pajjiż. Ċert li l-GWU se tkun qiegħda toffri soluzzjonijiet ħafna aqwa minn tal-Prim Ministru, li wara li tradihom qed jibgħathom l-ETC. Dan qed ngħidu filwaqt li napprezza x-xogħol tajjeb li din il-korporazzjoni għax-xogħol u t-taħriġ tagħmel b’risq dawk li qed ifittxu xogħol.
Il-pagi qegħdin jogħlew!?
Minn studju li sar mill-Professur Joseph Falzon mill-Università ta’ Malta ħareġ li bejn is-sena 2000 u s-sena 2007 l-ispejjeż biex kumpanija tħaddem in-nies żdied iktar minn dak tal-medja fl-Ewropa.
Fil-bidu tal-ġimgħa li għaddiet il-Kummissjoni Ewropea ħarġet tgħidilna biex nagħmlu riforma fil-mekkaniżmu li Malta għandha biex iżżid il-pagi skont l-għoli tal-ħajja tas-sena ta’ qabel (COLA). Dan il-parir tagħtu, biex skont hi, il-prezz tal-ħaddiema għas-sidien ikun iktar kompetittiv ma’ dak tal-Ewropa.
Iżda l-Professur Falzon kien kapaċi jaqra l-kitba fuq il-ħajt, ħafna iktar mill-Kummissjoni, għax qal ċar u tond li l-ispejjeż biex tħaddem in-nies qed jiżdiedu kawża tal-inflazzjoni. Kawża tal-għoli fil-prezzijiet.
L-għasafar il-kbar f’pajjiżna ddeċidew li jsallbu lill-industriji u lill-familji Maltin b’kontijiet tad-dawl u l-ilma esaġerati. Dan għamluh biex jilqgħu għad-djun li għandha l-Enemalta, ikkawżati minn żbalji ħoxnin li saru minn ministri u maniġers. B’dan il-mod daħħlu lil pajjiżna f’ċirku vizzjuż fejn meta jogħlew il-prezzijiet għall-fabbriki, jogħlew il-prezzijiet għall-konsumaturi. B’hekk ġejna f’sitwazzjoni fejn l-industriji jsibuha iktar bi tqila biex jimpjegaw in-nies, u l-ħaddiema dejjem jaraw is-saħħa tal-paga tagħhom tonqos.
Jekk hemm riforma li jeħtieġ issir, ċertament hija dik li jitnaqqsu l-ispejjeż tal-kontijiet tad-dawl u tal-ilma għal negozji ta’ kull daqs. Barra minn hekk jeħtieġ li jkollna mekkaniżmu tal-COLA li jirrifletti tassew l-ispejjeż li qegħdin jaffaċċjaw il-familji Maltin u Għawdxin.
Iżda l-għasafar il-kbar ta’ pajjiżna lesti jinħbew wara elf rapport biex ma jarawx l-għasafar iż-żgħar f’pajjiżna jerġgħu jtiru fil-għoli. Għalxejn iħambqu s-sidien u l-unjins dwar ħtiġijiet bħal dawn ma’ min qed jara l-Madonna tibki. Wara kollox hu wkoll qed itir fl-għoli mal-klikka ta’ dawk li għandhom il-ġwienaħ kbar. Ara meta jiġu biex jagħtu paga oħra lilhom infushom, hemmhekk l-ebda rapport ma jkun meħtieġ! Dan li qegħdin tieklu huwa biss il-ħobż tat-tradiment.
(Artiklu ppubblikat f'L-Orizzont ta' nhar it-Tlieta 14 ta' Ġunju, 2011)
0 comments:
Post a Comment