Thursday, June 30, 2011

Xogħol prekarju, moħbi jew garantit!


Waħda mill-ikbar sfidi li qed jiffaċċja s-suq tax-xogħol Malti huwa proprju ż-żieda fix-xogħol prekarju. Tliet oqsma partikolari li qed narawhom imnawrin minn dan ix-xogħol prekarju huma dawk tas-servizzi tas-sigurtà, tat-tindif, u l-careworkers fl-isptarijiet. Magħhom hemm oqsma oħrajn tax-xogħol, li lanqas huma biss dikjarati. Ix-xogħol prekarju, meta jkun dikjarat, għandu ħabta jimxi fuq ħabel fin bejn dak li hu legali u dak li hu illegali.

Għalkemm għandna liġi tax-xogħol li toffri ħarsien xieraq lill-ħaddiema, ħafna drabi l-ikbar problema tkun l-infurzar tal-liġi nnifisha. Bosta huma dawk il-ħaddiema li jafu li qed ikunu mċaħħdin minn drittijiet li l-post tax-xogħol joffrilhom, u ma jitkellmux bil-biża’ li jitkeċċew. Fl-istess waqt, bis-saħħa tal-unjins, qed jiżdiedu dawn il-ħaddiema vittmi tal-prekarjat li qed isemmgħu leħinhom, u qed iħeġġu lil sħabhom biex jingħaqdu f’unjin. L-iktar unjin li qed jirnexxilha tagħmel dan hija l-GWU, li kienet tal-ewwel u qatt ma waqfet tqanqal il-kuxjenza dwar ix-xogħol prekarju.

Soluzzjonijiet


It-Taqsima Professjonisti, Finanzi u Servizzi tal-GWU sabet mezz kif toħloq ilqugħ kontra x-xogħol prekarju. Inkludiet il-ħlas minimu tal-ħaddiema bħala parti mill-kundizzjonijiet tat-tender fil-każ tal-Gwardjani Lokali. Barra minn hekk hija lesta tkun ta’ għajnuna lil dawk kollha li jkunu se joffru tender biex jaċċertaw rwieħhom li min ikun imħaddem mill-kumpanija li tieħu t-tender, ikollu d-drittijiet tiegħu mħarsin mill-kundizzjonijiet tat-tender innifsu.

Din il-prattika tajba, li jkollok il-ħlas minimu ddettat fil-kundizzjonijiet tat-tender, tista’ tkun użata f’setturi oħrajn tal-impjiegi biex ikun żgurat li l-ħaddiem ikollu l-paga, il-leave, is-sick leave, il-bolla u t-taxxi onorati kif għandu jkun. Sfortunatament il-Gvern stess qed iżid ir-riħ fil-qalgħa tax-xogħol prekarju b’kuntratti li qed jingħataw minn entitajiet bħal Transport Malta, id-Diviżjoni tal-Edukazzjoni, il-Ministeru tal-Affarijiet Soċjali u saħansitra l-ETC!

Is-suq l-iswed

Iktar inkwetanti huma dawk il-ħaddiema li jaħdmu bla ktieb. Dawn mhuma rregolati mill-ebda liġi, għax appuntu qed jaħdmu fil-moħbi tagħha. Huma bosta l-immigranti li ġew mill-Afrika u anke minn pajjiżi Slavi jew tal-eks-Unjoni Sovjetika, li qed jaħdmu f’oqsma tax-xogħol, bħal fil-kostruzzjoni, u ma nafu xejn mill-kundizzjonijiet li bihom qed jitħaddmu.

In-nisa, li f’Malta pparagunati mall-medja Ewropea, għandhom rata ta’ parteċipazzjoni mill-iktar baxxa fis-suq tax-xogħol, għandhom mnejn jiffaċċjaw ċirkostanzi li jġegħluhom ma jiddikjarawx ix-xogħol tagħhom skont il-liġi. Dan jista’ jkun anke minħabba l-fatt li jkunu jaħdmu f’negozji tal-familji tagħhom li jagħtuhom ċerta flessibilità li jlaħħqu mal-esiġenzi tal-familja, u fl-istess waqt ikollhom dħul ieħor.

Sfortunatament ir-riċerka dwar ix-xogħol mhux dikjarat f’pajjiżna hija fqira, u dik li saret kienet iktar għaġġelija milli korretta. Ix-xogħol fis-suq l-iswed tal-ekonomija jagħti lok għal:
•kompetizzjoni inġusta lil dawk li jaħdmu bil-ktieb u lil sidien ta’ kumpaniji regolari
•sfruttament tal-ħaddiema peress li l-liġijiet ma japplikawx
•nuqqas ta’ kontroll fuq is-suq tax-xogħol minn dawk kollha kkonċernati
•nuqqas ta’ ħarsien tas-saħħa u s-sigurta’ fuq il-post tax-xogħol
•nuqqas tal-edukazzjoni meħtieġa sabiex ħaddiem isibha iktar faċli li jimpjega ruħu.

Tradiment

Nuri solidarjetà sħiħa mall-ħaddiema tal-AirMalta li qabel l-elezzjoni li għaddiet ġew imwegħdin garanzija ta’ xogħol bil-miktub mill-Prim Ministru. Għal darb’oħra qed naraw kif l-immaniġġjar ħażin tal-kumpaniji statali fl-aħħar mill-aħħar qed jagħmel tajjeb għalih il-ħaddiem u dawk li jħallsu t-taxxi.

Nixtieq inkun naf min se jwieġeb għall-prattiċi ħżiena li wasslu lill-AirMalta fejn qiegħda llum. Huwa minnu li t-titjiriet lejn Brussell ġieli raw tibdiliet fl-itinerarju skont l-eżiġenzi ta’ passiġġier speċjali?

[Artiklu ppubblikat fil-ġurnal L-Orizzont ta' nhar it-Tlieta 28 ta' Gunju, 2011]

Wednesday, June 15, 2011

Għasafar kbar u żgħar



F’din il-ġimgħa li għaddiet komplejna naraw kif f’pajjiżna għandna ftit għasafar kbar u ħafna għasafar żgħar. Filwaqt li lill-ħaddiema tas-Selmun Palace Hotel kienu qegħdin jgħidul­hom li ma fadalx xogħol għalihom, il-Ministri kienu qegħdin iħabblu rashom kif ma jitilfux €500 iżjed fil-ġimgħa. Naqta’ rasi li l-ebda wieħed mill-ħaddiema tal-lukanda f’Selmun ma jieħu €500 fil-ġimgħa. B’dan kollu nindunaw kif f’pajjiżna l-għasafar il-kbar dejjem qed jittajru iktar fil-għoli, u ż-żgħar dejjem qed jitqasqsulhom ġwenħajhom.

Il-ħaddiema f’Selmun

Lill-ħaddiema f’Selmun, il-Prim Ministru malajr sabilhom soluzzjoni. Qalilhom biex imorru l-ETC! Dawn hu­ma l-ewwel 58 sensja, minn 600 li jidher li huma ppjanati. Iżda bil-liġi, is-sensji ta’ grupp ta’ ħaddiema ma jistgħux isiru mingħajr negozjati mal-unjin. Peter Davies, il-Kap Eżekuttiv tal-Air Malta, għamilha ta’ bir-ruħu li dan ma kienx jafu, iżda l-GWU u d-Dipartiment tal-Impjiegi u r-Relazzjonijiet In­dustrijali malajr għenuh isir jaf dan.

Il-ħaddiema tal-Air Malta huma grupp ieħor ta’ ħaddie­ma traduti minn Gonzi. Kien biss kaċċa għall-voti il-kliem fieragħ li qal Gonzi lil dawn il-ħaddiema qabel l-elezzjoni. Bħalma kien kliem fieragħ dak li ntqal dwar il-ħaddiema tat-Tarzna. Sa Novembru li għadda ċ-Ċermen tal-Air Malta kien qed iserraħ ras il-ħaddiema. Qalilhom li ma kellhomx għaliex jagħtu kas dak li kien qed jinkiteb fil-gazzetti, għax ma kienx minnu li kienu se jitilfu l-impjieg tagħ­hom. Issa qegħdin f’Ġunju, u l-Kap Eżekuttiv qed jgħid biċ-ċar li sal-aħħar ta’ Ottubru li ġej se jkunu qed isiru s-sensji kollha li huma ppjanati.

Kunfidenti li l-GWU se tkun għal darb’oħra qiegħda taqbeż għad-drittijiet tal-għasafar iż-żgħar, li reġgħu ġew ittraduti mill-għasafar il-kbar ta’ dan il-pajjiż. Ċert li l-GWU se tkun qiegħda toffri soluzzjonijiet ħafna aqwa minn tal-Prim Ministru, li wara li tradihom qed jibgħathom l-ETC. Dan qed ngħidu filwaqt li napprezza x-xogħol tajjeb li din il-korporazzjoni għax-xogħol u t-taħriġ tagħmel b’risq dawk li qed ifittxu xogħol.

Il-pagi qegħdin jogħlew!?

Minn studju li sar mill-Professur Joseph Falzon mill-Università ta’ Malta ħareġ li bejn is-sena 2000 u s-sena 2007 l-ispejjeż biex kumpanija tħaddem in-nies żdied iktar minn dak tal-medja fl-Ewropa.

Fil-bidu tal-ġimgħa li għaddiet il-Kummissjoni Ewropea ħarġet tgħidilna biex nagħmlu riforma fil-mekkaniżmu li Malta għandha biex iżżid il-pagi skont l-għoli tal-ħajja tas-sena ta’ qabel (COLA). Dan il-parir tagħtu, biex skont hi, il-prezz tal-ħaddiema għas-sidien ikun iktar kompetittiv ma’ dak tal-Ewropa.

Iżda l-Professur Falzon kien kapaċi jaqra l-kitba fuq il-ħajt, ħafna iktar mill-Kummissjoni, għax qal ċar u tond li l-ispejjeż biex tħaddem in-nies qed jiżdiedu kawża tal-inflazzjoni. Kawża tal-għoli fil-prezzijiet.

L-għasafar il-kbar f’pajjiżna ddeċidew li jsallbu lill-industriji u lill-familji Maltin b’kon­tijiet tad-dawl u l-ilma esaġera­ti. Dan għamluh biex jil­qgħu għad-djun li għandha l-Enemalta, ikkawżati minn żbalji ħoxnin li saru minn ministri u maniġers. B’dan il-mod daħħ­lu lil pajjiżna f’ċirku vizzjuż fejn meta jogħlew il-prezzijiet għall-fabbriki, jogħ­lew il-prezzijiet għall-konsumaturi. B’hekk ġejna f’sit­wazz­joni fejn l-industriji jsibu­ha iktar bi tqila biex jimpjegaw in-nies, u l-ħaddiema dejjem jaraw is-saħħa tal-paga tagħ­hom tonqos.

Jekk hemm riforma li jeħtieġ issir, ċertament hija dik li jitnaqqsu l-ispejjeż tal-kontijiet tad-dawl u tal-ilma għal negozji ta’ kull daqs. Barra minn hekk jeħtieġ li jkollna mekkaniżmu tal-COLA li jirrifletti tassew l-ispejjeż li qegħdin jaffaċċjaw il-familji Maltin u Għawdxin.

Iżda l-għasafar il-kbar ta’ pajjiżna lesti jinħbew wara elf rapport biex ma jarawx l-għa­safar iż-żgħar f’pajjiżna jerġ­għu jtiru fil-għoli. Għalxejn iħambqu s-sidien u l-unjins dwar ħtiġijiet bħal dawn ma’ min qed jara l-Madonna tibki. Wara kollox hu wkoll qed itir fl-għoli mal-klikka ta’ dawk li għandhom il-ġwienaħ kbar. Ara meta jiġu biex jagħtu paga oħra lilhom infushom, hemmhekk l-ebda rapport ma jkun meħtieġ! Dan li qegħdin tieklu huwa biss il-ħobż tat-tradiment.

(Artiklu ppubblikat f'L-Orizzont ta' nhar it-Tlieta 14 ta' Ġunju, 2011)