Tuesday, May 17, 2011

Taqbel jew ma taqbilx, ivvota IVA!


Jekk taqbel mad-divorzju, għażla waħda għandek, nhar is-Sibt 28 ta’ Mejju mur ivvota IVA fir-referendum. Jekk inti ma taqbilx mad-divorzju, f’jum il-votazz­joni xorta mur ivvota IVA. M’għandekx għaliex iċċaħħad lil dawk li għandhom bżonnu milli jiħduh. Bid-divorzju f’pajjiżna, int li ma taqbilx miegħu tibqa’ żżomm id-dritt li ma tiddivorzja qatt.

Id-dehriet ta’ Tonio

F’din il-kampanja l-Kelma t’Alla mhux talli ġiet użata, talli saħansitra ġiet abbużata. L-istorja għallmitna li huma ħafna dawk li lesti jużaw ir-reliġjon bħal biċċa plastisin li jifformawha kif iridu huma. Il-MP Nazzjonalista JPO ġie kkwotat li qal li “pajjiżna qed jiżżerżaq lura għas-snin 80” għall-mod kif qed tiġi immanipulata l-opinjoni pubblika. JPO seta’ għamel riflessjoni oħra. Dik li wħud għażlu li jiżżerżqu lura lejn is-sittinijiet billi jċaħħdu lin-nies mis-sagramenti u jużaw il-pulpti bħala mezz ta’ propaganda kontra d-divorzju saħansitra waqt funeral!

Ninsab kuntent għal JPO għax ma jkollux dehriet bħal tal-Ministru Tonio Fenech, li mill-bidu ta’ din il-leġiżlatura ’l hawn imissu rriżenja għal 77 darba. Dan Tonio qed jara l-Madonna mweġġa’ li Malta qiegħda tikkunsidra d-divorzju. Li jonqsu jara huma n-nisa msawtin jibku fi djarhom, jittamaw li xi darba jkollhom ċans ieħor li jibnu familja kuntenta!

Bl-iskuża tal-manifest

Waqt li jumejn ilu l-Prim Ministru ta’ dan il-Gvern tal-minoranza kien qed jitkellem f’Dar il-Ġustizzja fil-Libertà fil-Marsa, qalilna li bid-divorzju propost iż-żwieġ se jkun ifisser għaqda ta’ erba’ snin. Bħal dak li qallu li kull min se jkun qed jiżżewweġ se jitlaq lil żewġu jew lil martu eżatt dakinhar tat-tieġ. Kienet ħrafa oħra minn tiegħu! Id-divorzju kien imissu daħal f’pajjiżna mingħajr ebda tqan­żiħ u titubar.

Kien jidħol f’pajjiżna mingħajr il-barka tal-manifest elettorali, eżatt bħalma Malta ddaħħlet fil-programm tan-NATO, Partnership for Peace. Kien jidħol f’pajjiżna inkiss inkiss bħall-pagi doppji tal-Kabinett Malti, li kellhom il-viljakkerija jżidu lilhom infushom fi żmien fejn kwalunkwe Gvern rasu fuq għonqu fid-dinja, f’dan iż-żmien ta’ riċessjoni ekonomika, qed jara kif inaqqas is-salarji ministerjali u mhux iżidhom. Id-divorzju kien jidħol f’Malta biex jixhed li aħna soċjetà moderna, mhux soċjetà bħall-Filippini fejn għadhom isallbu n-nies fit-toroq fi żmien il-Ġimgħa l-Kbira.

Iżda sfortunatament la f’pajjiżna m’għandniex Gvern riformista u wisq inqas rivoluzzjonarju, l-ewwel battalja li rridu nirbħu hija dik li meta nipprovaw immorru pass ’il quddiem, ma nispiċċawx immorru erbgħa lura. Dawk kollha li għandhom għal qalbhom id-drittijiet ċivili f’pajjiżna, minn issa jiħtiġilhom jaħilfu li jekk dan ir-referendum ma jgħaddix, mhux se jaqtgħu qalbhom milli jkomplu jipp­ridkaw u jaħdmu favur dawn it-tibdiliet soċjali u ċivili. Bidliet li Malta qiegħda tistennihom bħalma kull min jixtieq jiżżewweġ u ma jistax, qed jistenna li tidħol f’pajjiżna l-liġi tad-divorzju.

Tħabbru qalbu

F’intervista, Arthur Galea Salomone, li jrid iż-żwieġ bla divorzju, ħareġ jgħidilna li qalbu qiegħda tħabbru għal dawk li diġà qegħdin isibuha diffiċli biex jitimgħu familja waħda, u qed jaħseb tant fit-tul li qed jinkwieta għal dak li jista’ jiġri meta bid-divorzju, persuna mhux talli jkollha tmantni familja, iżda jkollha tmantni tnejn. Qalilna li qed jibża’ li tinħoloq forma ġdida ta’ faqar, meta din iċ-ċirkostanza fil-verità diġà qiegħda magħ­na. Jekk tħarsu madwarkom żgur jirnexxilkom taraw persuna li hija separata u fl-istess ħin qiegħda poġġuta ma’ xi ħadd ieħor.

Ħafna mill-argumenti tal-LE huma fjakki, għax daħlu għal din il-kampanja daqs li kieku kienet xi battalja morali. Mhux qed jirnexxilhom iġibu waħda tajba. Ipprovaw jagħmlulna qalbna ġunġliena billi jżeffnu t-tfal fin-nofs, u ħadd m’em­minhom, għax it-tfal ma jiddistingwux bejn divorzju, se­parazzjoni jew annullament. Hija biss il-firda tal-ġenituri tagħhom li tkiddhom. Issa qegħdin jorbtu d-divorzju mall-faqar. Ċert li lkoll tafu li mhuwiex id-divorzju li jġib il-faqar, iżda l-ħajja li dejjem qiegħda togħla taħt il-bandiera ta’ “min hu l-aqwa jħawwel u min le jitħawwel!”

[Ippubblikat fil-gurnal L-Orizzont tal-lum it-Tlieta 17 ta' Mejju, 2011]

No comments: