
Il-Knisja qiegħda tuża l-enerġija kollha tagħha biex tikkonvinċi lin-nies li d-divorzju m’għandux jidħol f’pajjiżna. Il-farsa hi li kif spiċċaw żviluppaw l-affarijiet, dan id-dritt ċivili bażiku se naslu biex niddeċiedu dwaru b’referendum. Li kieku kellna tmexxija politika li temmen fi Stat Lajk, fejn l-Istat ma jħallix lir-reliġjon titħallat mal-politika, u l-politiċi ma jidħlux fi kwistjonijiet reliġjużi, kieku d-divorzju ilu li daħal.
'Meeting' jew purcissjoni?
Ħafna kienu dawk li attendew għall-purċissjonijiet tad-Duluri nhar il-Ġimgħa li għaddiet u staqsew lilhom infushom kienx iċċaqalqilhom l-ilma ta’ widnejhom. Ġie rrapportat li ġralhom hekk il-Karkariżi, il-Qrendin u dawk ta’ Raħal Ġdid. Jien inzertajt f’Ħaż-Żebbuġ u d-diskors li beda jingħad minn fuq iz-zuntier kellu rabta sħiħa, iżda sottili, mal-vot tar-referendum dwar id-divorzju. Dak li ċertament ma kienx sottili kien ‘billboard’ fuq iz-zuntier b’messaġġ kontra d-divorzju. Drajna narawhom f’Ħaż-Żebbuġ!
L-uzu tal-energija
Dejjem għedt li l-Knisja għandha kull dritt tesprimi ruħha daqs kull tip ta’ istituzzjoni oħra f’pajjiżna. Madankollu, dak li ddiżgustani huwa l-mod kif iżeffnu lit-tfal f’din il-kwistjoni. L-argument li t-tfal se jkunu qegħdin isofru jekk jidħol id-divorzju, ma jistax ikun bażwi iktar milli hu. Għiduli inthom x’differenza tgħaddi għat-tfal jekk il-ġenituri tagħhom jisseparaw jew inkella jiddivorzjaw. F’għajnejn it-tfal fiż-żewġ każi għandek każ ta’ firda. Għalihom il-firda bid-divorzju u l-firda bis-separazzjoni, huma l-istess, daqskemm hi l-istess ix-xemx li tiddi fuq l-Afrika u dik li tiddi fuq ir-Russja. Iż-żmien li nbellgħu r-ross bil-labra ilu li għadda!
La semmejt l-enerġija solari tajjeb li nagħmel punt dwar l-enerġija tal-Knisja. Minn qiegħ qalbi nittama li bħalma l-Knisja qiegħda ssib din l-enerġija kollha biex tiġġieled dan l-“għadu” kbir tal-poplu msejjaħ “divorzju”, hekk ukoll issib l-enerġija li taqbad minn qrunhom problemi soċjali li qegħdin jifnu lil pajjiżna. Kemm-il darba sibt l-okkażjoni nfaħħar lill-Isqof t’Għawdex għal diskorsi li għamel fejn tratta kwistjonijiet bħall-faqar u l-immigranti bl-aqwa mod.
Jiena nissuġġerixxi lill-Knisja biex ġaladarba r-referendum ikun għadda, tintefa’ teħodha qatta’ bla ħabel kontra min qed idaħħal u jxerred id-drogi f’pajjiżna. Xbajt nara żgħażagħ tal-istess età tiegħi li spiċċaw skjavi tad-drogi. Sfortunatament il-klassi politika Maltija jew qatgħet qalbha, jew inkella tibża’ tittratta din il-kwistjoni li qiegħda tifni familji sħaħ. U għal dawk li forsi jgħixu f’bozza, infakkarhom li l-problema tad-drogi tidħol fid-dar tas-sinjur daqskemm tidħol f’tal-fqir. Tidħol fid-dar ta’ dak li ma jafx jaqra, bħalma tidħol fid-dar ta’ dak li qara l-filosofiji kollha li qatt eżistew. Tidħol fid-dar tal-familji “mħarbtin” daqskemm tidħol f’tal-familji “għaqlin”.
Iva jew le?
Ikolli nammetti li sejjer bi ħġari nivvota “Iva” għad-divorzju, mingħajr qatt ma ridt li din il-kwistjoni tkun deċiża b’referendum. Il-fatt li l-politiċi tagħna spiċċaw waslu biex iddeċidew li jsir referendum, juri kemm għadna lura milli jkollna Stat Lajk.
Il-Gvern kien kompletament mifxul kif se jirnexxilu jżomm lil-Liberali u l-Konservattivi jgħixu taħt saqaf wieħed, u xejn ma jneħħili minn rasi li ttieħdu deċiżjonijiet li magħhom għandhom il-marki tas-swaba’ tal-President Emeritus Edward Fenech Adami.
Mill-banda l-oħra l-Oppożizzjoni ma riditx tħalli lil din il-kwistjoni ġġib qasma f’partit li f’dawn l-aħħar tliet snin ra kif għamel biex jingħaqad kemm jista’ jkun.
Għalhekk int u jien se mmorru nivvotaw f’referendum li seta’ qatt ma sar għax bid-dħul tad-divorzju f’Malta min iħossu kuntent biż-żwieġ tiegħu għandu d-dritt jibqa’ jħobb lil żewġu jew martu għal dejjem.
Bl-istess mod bid-divorzju f’Malta, min ikun għaddej minn kalvarju fiż-żwieġ tiegħu; min qiegħed jesperjenza l-vjolenza, wiċċ b’ieħor, jew nuqqas ta’ rispett; min huwa separat u poġġut iżda jixtieq jiżżewweġ bħal ħaddieħor; se jkun qiegħed jingħatalu dritt ġdid, jiġifieri dak li jkollu t-tieni cans li jgħix ħajja bħan-nies.
Dedika
Niddedika dan l-artiklu għal dawk il-250 immigrant li għerqu ’l barra minn Lampedusa nhar is-6 ta’ April li għadda. Fost dawn għerqu wkoll 38 mara u ħamest itfal.
[Pubblikat illum it-Tlieta, 19 ta' April, 2011 f'L-Orizzont]
0 comments:
Post a Comment