Wednesday, February 23, 2011

Bejn kobba mhabbla u habel wiehed



Gimghatejn ilu kelli l-okkazjoni nattendi kors dwar it-tigdid tal-unjins u l-ingagg ta’ membri zghazagh fi hdanhom, gewwa l-iskola tat-trejdjunjonizmu Julian Besteiro. Skola mmexxija mill-unjin Spanjola UGT gewwa Madrid. Hemm hafna sfidi komuni li l-unjins qed jaffaccjaw illum il-gurnata, izda wahda mill-ikbar hija dik li jibqghu jappellaw ghall-oqsma diversi tas-suq tax-xoghol li qed jinholqu billi joffru kemm servizzi personali kif ukoll negozjar kollettiv ghall-beneficcju ta’ kull membru.

Li stajt ninnota hu li hawn pajjizi fl-Ewropa fejn il-konfederazzjonijiet tal-unjins u unjins kbar ghandhom il-lussu jahdmu id f’id ghal ghanijiet komuni. Il-lussu li jlaqqghu ir-rizorsi taghhom u jigbdu habel wiehed. Fl-iSvezja saru progetti bejn hafna mill-konfederazzjonijiet sabiex iheggu iktar impjegati u haddiema jissiehbu f’unjin. Jekk niehdu ezempju mill-Italja naraw kif l-unjins ewlenin tal-pajjiz, cjoe’ ic-CGIL, ic-CISL u l-UIL jorganizzaw il-festa ta’ Jum il-Haddiem, fl-ewwel ta’ Mejju, bejniethom it-tlieta. Fi Spanja l-ikbar zewg unjins, cjoe’ l-UGT u c-CCOO, it-tnejn bi tradizzjoni Xellugija, ukoll jahdmu spiss id f’id. Hawn Malta il-GWU tara li tibni pont ma’ dawk kollha li lesti jahdmu genwinament ghall-gid tal-haddiema u l-professjonisti bhalma qed taghmel mall-ForUM.

Sfortunatament hawn oqsma trejdjunjonistici li ma jridux jaraw il-koperazzjoni tissahhah f’dan il-qasam. Hawn min filli jilghabha li jkun fuq in-naha tieghek, u filli jivvinta ntopp biex jipprova jhassar kollox.

Mhux l-ewwel darba li ktibt li bhalma l-Federazzjoni tal-Industriji inghaqdet haga wahda mall-Kamra tal-Kummerc biex holqu “Il-Kamra”, hekk ukoll it-trejdjunjins ghandhom jaraw li jkollhom saqaf wiehed li tahtu jittiehdu l-iktar decizjonijiet importanti f’isem il-haddiema Maltin u Ghawdxin. Dan isir b’rispett ghat-tradizzjonijiet, it-twemmin u l-istili tat-tmexxija differenti li jhaddnu.

Permezz ta’ Kunsill tat-Trejdjunjins tassew rapprezentattiv inkunu iktar f’sahhitna biex naraw li hadd ma jidhaq b’dik il-persuna li l-qligh taghha gej biss minn impjieg part-time. Biex nishqu mas-sidien sabiex jipprovdu l-ilbies protettiv mehtieg, u fl-istess waqt nezigu mall-haddiema biex juzawh kif suppost kull meta jkun bzonnjuz. Biex nipprovdu l-edukazzjoni mehtiega sabiex persuna tkun iktar imhejjija halli tilqa’ ghall-isfidi ta’ suq globalizzat. Missjonijiet bhal dawn u bosta aktar jistghu facilment isiru permezz ta’ rizorsi komuni. Dan isir iktar u
iktar mehtieg f’pajjiz zghir bhal taghna fejn id-duplikazzjoni tar-rizorsi jaf tfisser biss hala ta’ flus u hin.

Ahna z-zghazagh ghandna l-obbligu li nkunu l-holqa mehtiega sabiex l-unjins jirfsu rifsa soda fuq l-ghatba tal-futur. Hemm bzonn li nkunu iktar kreattivi u nnovattivi biex naraw li l-unjins jibqghu dejjem imfittxija mill-haddiema u l-professjonisti. Jehtieg li nazzardaw nidhlu ghal progetti li hadd qatt qabilna ma wettaq sabiex il-haddiem jibqa’ jkun rapprezentat u mismugh kif xieraq fuq il-post tax-xoghol.

(Pubblikat f'L-Orizzont tal-lum l-Erbgha 23 ta' Frar, 2011)

0 comments: