
Aħna ż-żgħażagħ tal-GWU naqblu mad-divorzju għaliex lesti naffaċċjaw ir-realtajiet soċjali ta’ pajjiżna. Nixtiequ li kieku kull koppja li tiżżewweġ tibqa’ tgħix fl-armonija sa meta tasal biex tmut, iżda nammettu li mhux dejjem ikun il-każ.
Ma nistgħu qatt indawru wiċċna quddiem ir-realta’ ta’ dawk l-10,569 persuna f’Malta li jew annullaw iż-żwieġ tagħhom, jew isseparaw, jew inkella ħadu rikonoxximent tad-divorzju tagħhom mill-Qorti Maltija (Lifestyle Survey - NSO, 2007).
Sodisfatti ferm li f’pajjiżna qed tikber l-alleanza li tgħid “Iva għal-liġi tad-divorzju f’Malta” u li qed tpoġġi ruħha ‘l fuq mill-politika partiġġjana. Din qed tagħti każ il-ħtieġa ċivili tas-soċjeta’ tagħna. Soċjeta’ li aktar iva milli le tkaxkar wisq saqajha sa ma tasal biex tindirizza r-realtajiet li jkunu qed jinbtu fi ħdanha.
Din hija kwestjoni li titratta dritt ċivili. Dritt li mhux se jkun qed jolqot lill-poplu kollu, iżda lil settur ta’ nies li jeħtiġuh. Għalkemm ma nħossux illi referendum huwa l-aqwa għodda f’każ bħal dan, ma rridux naħlu ħin prezzjuż infettqu fuq dawn it-teknikalitajiet. L-”Iva” tal-GWU Youths għad-divorju tiġi mingħajr ebda “jekk” jew “imma”, fil-jum tar-Referendum.
Id-divorzju li għandna f’moħħna ma jkunx faċli takkwistah bħallikieku qed tixtri nofs tużżana pastizzi. Mill-banda l-oħra ma jridx ikun diffiċli biex tiksbu daqs li kieku trid taqsam xmara mimlija kukkudrilli. Konvinti favur divorzju responsabbli. Divorzju li jagħti każ tal-martirju li tgħaddi minnu persuna li żewġha jew martu jabbandunaw lilha u lit-tfal tagħha. Divorzju li jagħti każ il-ħtiġijiet ta’ persuna li tkun traduta minn żewġha, u li tkun tixtieq it-tieni ċans li jkollha żwieġ stabbli.
F’moħħna għandna wkoll l’hekk imsejħa “poġġuti” li jixtiequ jirregolarizzaw ir-relazzjoni tagħhom permezz taż-żwieġ, iżda ma jistgħux. Għalhekk quddiem dawn ir-realtajiet kollha ma jifdlilna l-ebda dubju li vot favur id-divorzju huwa vot favur il-familja Maltija.
Bl-ebda mod ma aħna lesti naraw jinħoloq antagoniżmu mall-Knisja f’din il-kwestjoni. Din hija kwestjoni tal-istat li dwarha l-Knisja għandha kull dritt tesprimi l-opinjoni tagħha. Bil-liġi tad-divorzju f’Malta, l-ebda koppja miżżewġa ma hi se tkun sfurzata ġġib id-divorzju.
Għalina d-divorzju m’huwiex soluzzjoni, iżda ma jistax ikun li pajjiżna jibqa’ mċaħħad minn liġi tad-divorzju li tagħti ċ-ċans lil kull individwu jirregolarizza l-istatus ċivili tiegħu. L-argument li d-divorzju jqanqal it-tifrik fil-familji huwa sempliċiment ħmerija, għaliex mingħajr id-divorzju f’Malta xorta kellna 7% tal-miżżewġin kollha li ħadu l-annullament, separazzjoni jew divorzju fl-2005. Dan il-persentaġġ hemm il-ħsieb li jitla’ għal 17% sal-2015.
Ċerti li jekk nagħżlu l-istatus quo inkunu biss qed inkaxkru saqajna biex ma naffaċċjawx din ir-realta’ soċjali. L-“Iva” tagħna għad-divorzju tista’ tagħmel minn pajjiżna wieħed iktar soċjalment ġust. Pajjiż li jgħożż il-valur tal-ugwaljanza u tal-liberta’ tal-individwu.
[Ippubblikat f'It-Torca tal-Hadd 19 ta' Dicembru, 2010]
1 comments:
Hbieb,
Jiena Malti nighix f'pajjiz barrani fl-Ewropa fejn id-divorzju ilu li dahal zmien twil.
Nara l-effetti tad-divorzju regolarment madwari sa t-tfal tieghi li ghad ghandhom sitta u tmien snin.
Inkellimkom bir-rispett kollu. Intom ma ghandkomx esperjenza ta'dak li d-divorzju jgib mieghu. Nista nassigurakom ghax nara b'ghajnejja, tbatijiet li ma tistawx timmaginawhom specjalment ghat-tfal.
Id-divorzju mhux soluzzjoni ghall-problemi bejn il-genituri. Meta jkun hemm id-divorzju possibbli, jkun hemm zewg toroq quddiem il-koppji, dik tat-tiswija u dik-tal-firda. It-triq tal-firda hija wiesa u facli u l-ohra dejqa.
Fejn hemm id-divorzju possibbli hemm ukoll it-theddid fil-familji, ir-ragel jibda jhedded lill-mara bij-divorzju jew il-kontra.
Ladarba jidhol, difficli biex iddawwar kollox lura.
Malta ghandkom tezor, il-familja. Jiena nifhem li hemm koppji fil-problemi imma nerga nghidilkom, id-divorzju mhux soluzzjonijiet anzi jgib izjed problemi.
Dik ta mhux facli ggib id-divorzju bla sens. Li jidhol huwa l-ewwel pass u war ftit ta'snin jigi t-tieni pass, dak li d-divorzju jinghata bil-facilita kollha ladarba z-zewg nahat jaqblu li jiehduh.
Nitghallmu mill-izbalji ta'haddiehor u ma noqoghdux nesperimentaw.
Issa f'idejkom. Il-futur ta' Malta huwa f'idejkom u ftakru li intom responsabbli ta'dak li tiddeciedu.
Post a Comment