Monday, November 8, 2010

Il-ħaddiem jibqa’ jistenna


Ghamel sew il-gvern li ħoloq skema li tinċentiva lil dawk li jaqilgħu l-paga minima biex jiksbu ħiliet oħra tax-xogħol. Mill-banda l-oħra l-gvern huwa kompletament żbaljat li jżomm il-paga minima fl-istess livell. Jidher biċ-ċar li f’din is-sena ddedikata għall-Faqar u l-Esklużjoni Soċjali, il-gvern baqgħet ma ħebritux qalbu għal dawk li d-dħul tagħhom lanqas biss iservihom għall-ispejjeż bażiċi li kulħadd ikollu jaffaċċja; bħall-kontijiet tad-dawl u l-ilma, fuel u gass.

Prattiċi ħżiena

Waqt il-baġit il-Ministru tal-Finanzi Tonio Fenech semma' kif “Il-gvern se jwaqqaf Unit li se jiċċekkja li l-ħaddiema kollha tal-kuntratturi li jipprovdu servizzi lill-gvern, bħal cleaners, carers u security, jirċievu l-paga u l-benefiċċji kollha dovuti lilhom.” Jiena nistieden lil din il-Unit biex fl-aġenda tal-ewwel laqgħa tagħha tara kif l-aħjar tinvestiga l-kundizzjonijiet tax-xogħol li għandhom il-carers li jaħdmu fl-Isptar Mater Dei u postijiet oħra.

Din il-Unit għandha tanalizza jekk huwiex minnu li l-kumpanija Support Services Ltd. tagħti l-leave lill-ħaddiema tagħha b’mod razzjonat skont il-konvenjenza tal-kumpanija u mhux tal-ħaddiema. Tanalizza jekk din il-kumpanija tħallasx is-sick leave kif dovut. Tanalizza jekk huwiex minnu li dawn il-ħaddiema huma mċaħħda mid-dritt fundamentali li jifformaw jew jissieħbu f’union għall-interessi tagħhom. Tanalizza jekk din il-kumpanija tirreġistrax ħaddiema bħala self-employed b’mod qarrieqi.

Nuqqas ta’ rieda


Dan il-gvern m’għandux ir-rieda li jindirizza b’mod konkret il-problemi li qegħdin jaffaċċjaw il-ħaddiema. Il-Prim Ministru Gonzi qabel l-elezzjoni wiegħed li se jkun qed jindirizza l-problemi ta’ dawk il-ħaddiema li jkunu vittmi ta’ prattiċi qarrieqa. Gonzi rebaħ l-elezzjoni, iżda l-ħaddiema ma rebħu l-ebda drittijiet ġodda f’din il-leġiżlatura.

Il-gvern huwa iktar interessat li jogħġob lis-sidien milli lill-ħaddiema. Iġibulna ħafna skużi għalxiex m’għandhomx jogħlew il-pagi. Jgħidulna li nkunu qegħdin nagħtu daqqa ta’ ħarta lill-kompetittività ta’ pajjiżna. Bħal dak li qallu li kull fejn hemm il-pagi għoljin, il-pajjiż ma jkunx kompetittiv. Aħsbu fil-Ġermanja. Dawn huma ħrejjef li sfortunatament anke wħud mill-ħaddiema jibilgħuhom. B’hekk jinżammu ħienja jirċevu pagi li ma jagħmlux sens, taħt doża qawwija ta’ loppju li dan il-gvern tant huwa kapaċi jinjetta.

Paga Minima


Il-fatt li l-paga minima li għandu pajjiżna ma tagħtix lok lill-individwu li jgħix ħajja diċenti, ifisser li l-paga minima mbierka mil-liġi, hija paga prattikament u moralment illegali. Jekk tassew irridu nagħtu nifs lil min id-dħul tiegħu huwa fost l-inqas f’pajjiżna, hemm bżonn li l-paga minima tiżdied. Dan nagħmluh b’mod konkret u permanenti mhux b’allowances li jistgħu jitwaqqfu mil-lum għal għada u li ma jgawdix minnhom kulħadd. Jinħtieġ li jkollna paga minima li tassew tkun tirrifletti l-konsum u l-ispejjeż bażiċi tal-familji.

M’għandniex għalfejn ngħidu li l-kavallieri tal-kompetittività f’pajjiżna ma jonqoshom l-ebda kumditajiet fil-ħajja tagħhom ta’ kuljum, u għalhekk għalihom ma tagħmilx differenza jekk f’pajjiżna jkunx hawn ħaddiema li jispiċċaw jiċċaħħdu minn ħtiġijiet bażiċi, għas-sempliċi fatt li ma jaffordjawhomx. Forsi dawn il-kavallieri bħall-Gran Mastru jemmnu li l-faqar f’pajjiżna huwa biss perċezzjoni.

Roxxlu


Drajna nisimgħu lill-gvern jipprova jimpressjonana b’kemm-il miljun ewro se jkun qiegħed iroxx fuq problema jew oħra. Fil-qasam tas-saħħa qalilna li se jkun qed jonfoq €2.3 miljuni biex jindirizza l-problema tal-waiting lists. Jiena nawgura lill-gvern jirnexxilu jsolvi l-problemi li ħoloq huwa stess fil-qasam tas-saħħa. Ninsab ċert li biex tkun indirizzata l-problema tal-waiting lists m’humiex biss il-flus li huma meħtieġa, iżda bidla sħiħa fil-kultura ta’ konvenjenzi li teżisti fil-qasam tas-saħħa, u ħila maniġerjali li kull min jaħdem fil-qasam tas-saħħa jagħraf li hija ferm nieqsa f’dan is-settur.

Protagonisti


It-titlu tal-baġit 2011 huwa “Bix-Xogħol ninvestu f’soċjetà b’saħħitha”. Il-PN għandu ħabta kif meta jitkellem ikun iridek tistħajlu ċ-champion tas-solidarjetà soċjali. Għandu ħabta kif isemmi ħafna x-xogħol iżda fl-istess waqt jinsa lill-ħaddiema. Prova ċara li ma jridx li l-vuċi tal-ħaddiema tinstema’ bis-serjetà hija dik li qed iħalli l-Forum Unions Maltin barra mill-MCESD. Bil-paroli lest li jagħmel triq fil-baħar għal kulħadd, iżda bil-fatti qed iservi ta’ diżappunt għall-maġġoranza l-kbira tal-poplu. Għalkemm jagħmel emfasi fuq il-kelma “xogħol”, dejjem jinsa li l-protagonisti tax-xogħol huma proprju l-ħaddiema.

[Ippubblikat fil-gurnal It-Torca ta' nhar il-Hadd 7 ta' Novembru, 2010]