Wednesday, June 17, 2009

Gvern tal-Minoranza u Partit li ssahhah gmielu



Artiklu ppubblikat f' It-Torca tal-Hadd 14 ta' Gunju, 2009.

Il-Gvern li ghandna gie elett mill-minoranza tal-poplu. 49.33% tal-elettorat riedu li jkun il-PN li jmexxi l-Gvern. Nistghu nghidu li r-rizultat ta’ Marzu 2008 ta s-sinjal li l-maggoranza tal-Maltin u l-Ghawdxin riedu bidla fil-Gvern, izda ma emmnux bis-shih li l-Partit Laburista (PL) seta’ jwettaq din il-bidla. Wasal is-Sibt 6 ta’ Gunju u l-maggoranza assoluta tal-poplu wriet li bl-istil tat-tmexxija ta’ Muscat fit-tmun tal-PL issa dan il- Partit qed jitwemmen bis-shih li jista’ jgib il-bidla. Il-Partit tal-minoranza gab l-appogg ta’ 40.49% tal-elettorat biex ikompli jnaqqas l-appogg.

Tmexxija

It-tmexxija ta’ Muscat wriet ruhha li lesta tilqa’ fi hdanha nies li ghandhom it-twemmin taghhom ankrat fl-era tat-tmexxija tal-Perit Mintoff. Lesta tilqa’ wkoll lil dawk li wrew u jista’ jkun li ghadhom juru thassib dwar is-shubija taghna fl-Unjoni Ewropea. Lesta wkoll li tigri wara dawk in-nies li ghalkemm m’ghandhomx kultura ta’ hidma fi hdan il-PL, iservu ta’ kalamita kbira ta’ voti minn dawk li jsibuha bi tqila biex jivvotaw lill-PL. B’hekk l-ghajta li “Hadd m’hu ghar-rimi” qed tithaddem fil-prattika u mhux tinghad biss bil-paroli.

Certu kritika li qabel kienet issir minn barra l-PL u kellha mnejn taghmillu l-hsara, issa ssir minn hdanu biex flok ixxekklu, isservi biex issahhu. Id-diskors politiku ta’ Muscat huwa aktar frisk, imur mill-ewwel ghall-punt, u jfisser b’mod aktar car dak li jemmen fih. Qieghed jaghti kaz ta’ minoranzi fis-socjeta’ taghna, bhalma huma l-persuni omosesswali, u lest jikxef il-karti aktar minn haddiehor rigward temi bhad-divorzju. Fuq kollox huwa diskors pozittiv u joffri tama. L-ghajta li se jisbah jum gdid ghal pajjizna tista’ sservina ta’ ezempju car.

Din il-kampanja li ghadha kemm ghaddiet serviet lill-PL biex jinqala’ mill-vizzju tar-reazzjoni. Politika li tagixxi turi ruhha b’aktar qawwa u taghti lin-nies fiducja. Jikkonvinci biss min ikun konvint minnu nnifsu. Partit ghandu jkun bhal tren. L-ewwel ghandu jara x’binarji se jimxi fuqhom, jidentifika fejn hu sejjer u malli jkun deciz fejn irid jasal jaqbad miexi ghal ghonq it-triq u jtella’ kemm jiflah nies mieghu fil-vaguni sakemm jasal. Din hija l-politika tal-azzjoni li tghid “Naf kif nasal!” u mhux “Jista’ jkun li jwassluni!”.

Kwestjonijiet midfuna

It-tieni rebha tal-PL ghas-siggijiet Maltin fil-Parlament Ewropew thalli lill-Partit Nazzjonalista (PN) b’bicca xoghol difficli quddiemu. Il-poplu ghal darbtejn wara xulxin wera fiducja akbar fil-PL milli fil-PN meta gie biex ghazel il-Membri Parlamentari Ewropej (MPE) li ghandhom jirraprezentawh. Il-Prim Ministru Gonzi u dawk tal-kor tieghu ghazlu li jibqghu ipingu lill-PL bhala wiehed li ghadu mhux konvint rigward l-UE, u allura b’dan ir-ragunar l-ghazla awtomatika kellha tmur fuq il-PN. Dan id-diskors skada darba ghal dejjem mar-rebha ta’ 54.77% tal-PL. Ikun zball kbir ghall-PN li jaghzel li jkompli jdoqq din id-diska, ghaliex il-PL ha l-fiducja tal-maggoranza meta s-shubija kienet ghadha friska u sahhah il-fiducja meta kellu hames snin ta’ hidma fil-Parlament Ewropew warajh.

Karbiet bhal ta’ Simon Busuttil li l-MPE Laburisti ma ridux jahdmu id f’id mieghu u ma’ David Casa f’dawn l-ahhar hames snin, huma karbiet tat-tfal iz-zghar u ftit jitwemmnu meta johorgu minn bniedem li jinhass wisq allergiku ghall-verita’. Il-PN, fil-qaghda li jinsab illum aktar jitwemmen jekk jghid li lest li joffri idu, milli jekk jibqa’ jghid li jrid lil haddiehor joffri jdejh. Il-PN fil-Gvern ghandu bzonn qabza kbira fil-kwalita’ fejn tidhol tmexxija. Minn partit li fl-2003 kien lest li jqabbel lil Malta mal-aqwa fl-Ewropa, ghandna naraw li tithaddem politika li ggibna l-aqwa. Li Dr.Gonzi jiggustifika l-ghazla tal-impjant li jahdem bil-Heavy Fuel Oil ghaliex Korsika wkoll ghazlu li jaghmlu dan, juru li dak li n-nies thallew jistennew, m’huwiex dak li n-nies qed jinghataw. Juri wkoll li l-ghazla qed tmur ghal dak li huwa meqjus l-anqas tajjeb fl-Ewropa u mhux l-aktar tajjeb kif konna nghatajna x’nifhmu.

Haga ohra li difficli wisq biex tifhimha hija ghaliex il-PN beda jipprova jispjega li l-kampanja tieghu hija bbazata fuq temi Ewropej u mhux dawk ta’ Pajjizna. Din difficli tifhimha. Ghax il-logika tghidlek li la Malta qieghda fl-UE it-temi ta’ pajjizna huma wkoll Ewropej. Nahseb illi l-PN kellu jkun l-ewwel partit f’Malta li jintebah li dak li jigri gewwa Sannat jew Rahal il-Gdid ikun qed jigri wkoll fl-Unjoni Ewropea. In-nies kollha madwar l-Ewropa jaghtu l-akbar importanza lit-temi li jolqtu lilhom direttament. M’ghandix ghalfejn nidhol fil-mertu li l-PN prova jiffranka billi jahrab minn dawn it-temi!

Kompjacenza

L-ispirtu ta’ Muscat wara t-thabbira tar-rebha mill-ewwel ingrana ruhu biex jipprova jgib lejh lil dawk li gurnata qabel jew ghazlu li ma jivvotawx jew inkella ivvotaw partit iehor flok il-PL. Dan huwa spirtu tajjeb, deciz li jipprova jidhol f’kull dar Maltija jew Ghawdxija. Jekk sa sena u nofs ilu l-prezenza tal-PL fuq l-internet kienet fqira fejn tal-PN, illum tinhass li mhux talli lahqet il-livelli tal-PN izda jista’ jkun li qabzithom. Facebook, Youtube u sahansitra Twitter saru spazji komuni ghall-PL. Il-website tal-PL ghal din il-kampanja ukoll tat spazju tajjeb ghall-elettur li jaghzel li jixtarr l-ghazliet li l-poltici kienu qed joffrulu. Il-kandidati, ghalkemm tuzzana, inghataw spiss l-ispazji taghhom kemm fil-materjal stampat u anke fil-prezenza tal-PL fil-lokalitajiet.

L-aghar haga li jista’ jaghzel il-PL hija it-triq tal-kompjacenza. X’inhi dil-kompjacenza? Li kullhadd jibda jitbissem lil xulxin fid-dar centrali. Kulhadd ihoss kollox sejjer tajjeb u tinholoq klima fejn ma jkunx hemm lok ghal kritika biex l-istess partit isahhah lilu nnifsu. L-amministrazzjoni tal-PL baghtet messaggi li juru bic-car li dan mhux se jkun qed isir. Jekk il-kompjacenza terga’ ttella’ rasha fil-PL, inkunu nistghu nghidu li l-partit ikun mexa pass ‘l quddiem biex jintefa’ tnejn lura.

Investiment

Li jkollok 35,000 vot aktar mill-avversarju principali tieghek ifisser li n-nies ghandha fiducja fl-istil ta’ politika li qed tmexxi. Li taghmel kampanja tajba u tikseb il-fiducja tan-nies hija bhal poezija. Kollox jinqara sabih u kollox idoqq ghall-widna waqt il-qari ta’ poezija. X’hin jasal il-mument biex tmexxi, il-poezija ssir proza u l-versi jsiru itwal u difficli biex taqrahom. Ghalhekk il-PL ghandu minn issa stess ikompli jinvesti b’aktar qawwa sabiex meta jigi l-mument li jinghata l-makna tal-Gvern f’idejh inehhi l-bsaten minn gor-roti u jkollu nies kapaci li jghinu sabiex l-ingranaggi tal-makna jizolqu helu helu go xulxin u mhux jitkissru.

Fl-2013 il-PN se jkun ilu jigverna f’pajjizna ghal 26 sena nieqes 22 xahar. M’hemmx ghalfejn nikkummenta li l-gheruq tieghu se jkunu ankrati fil-blat. B’hekk ghajnejn il-PL ghandhom iharsu lil hinn mir-rebha tal-elezzjoni generali. Dik hija biss il-wasla fil-quccata tal-muntanja. Trid issir hidma qawwija biex hadd ma jkollu l-hila jinbotta lill-PL minn fuq il-quccata. Din it-tip ta’ hidma diga’ rajniha ssir mis-Segretarjat Internazzjonali tal-PL li tat tahrig fil-prattika tad-Diplomazija u rigward Fondi tal-UE. Id-Deputat Mexxej tal-PL Dr. Abela, f’intervista kien qal li hemm lok fejn dan it-tahrig jitwessa’ wkoll f’dak li ghandu x’jaqsam ma’ amministrazzjoni pubblika, il-qasam turistiku u l-ispecjalizzazzjoni fil-harsien tal-ambjent. Il-PL jaghmel sew li jimbarka bis-serjeta’ fuq tahrig ta’ din il-kwalita’. B’hekk ikun jista’ jinvesti f’nies li lesti jahdmu mieghu u mhux bilfors fi hdanu. Importanti ferm li jkun hemm involviment shih taz-zghazagh f’dan it-tip ta’ tahrig. B’hekk ikun hawn imsiemer godda li lesti jibdlu lill-qodma. Dan il-hsieb huwa logiku, ghaliex tkun hasra kbira jekk wara li poplu jaghtik il-fiducja biex issuq il-karozza ikollok makna li lill-karozza ma ccaqlaqha qatt.

Taghlimiet

B’din l-elezzjoni li ghaddiet wiehed jifhem bic-car li meta n-nies thossha rapprezentata il-vot taghha thaddmu kif thoss li jkun l-ahjar. Il-mit li l-PN ma jista’ qatt ikun tellief, li spiss idur fil-kuriduri ta’ hafna mhuh ghandu jitkisser. Ikun tajjeb li dawn iz-zewg taghlimiet jinghaqdu mat-taghlima ta’ Marzu 2008 li kienet tghid li “Hadd qatt ma rebah elezzjoni b’mod awtomatiku”. Il-PN huwa certament partit kapaci hafna u minnu wiehed jista’ jislet taghlimiet kbar. Jekk hemm taghlima li l-Partit Nazzjonalista ghandu jiehu mill-elezzjonijiet li ghaddew hija dik li jitghallem kif ikun tellief!

0 comments: