Wednesday, April 22, 2009

Fl-Għaqda s-Saħħa



Mill-ġurnalist Gaetano Micallef
L-Orizzont – It-Tnejn 20 t’April, 2009

M:Għaliex ħassejtu l-ħtieġa li twaqqfu l-Moviment Azzjoni Xellug?

T:Konna qegħdin naraw li hemm ħafna biċċiet mix-Xellug li kien hemm bżonn jingħaqdu ħalli jkun hawn iktar sinerġija bejnietna u jkollna front maqgħud biex il-politika xellugija tingħata iktar spazju.

Meta ngħid biċċiet qiegħed nirreferi għall-fatt li mhux biss hemm għaqdiet differenti xellugin imma anke persuni li jemmnu fil-politika xellugija imma m’humiex assoċjati mal-ebda għaqda jew kienu ma’ għaqdiet oħrajn imma ma baqgħux iħossuhom komdi jaħdmu fihom. B’dan il-moviment inkunu nistgħu nagħtu spazju lil persuni u għaqdiet biex flimkien jagħtu iktar saħħa lix-Xellug.

M:Allura taħseb li x-Xellug huwa mifrud?

T:Ix-Xellug mhuwiex mifrud. Imma jrid isib mezzi ġodda kif ikun hemm iktar ko-ordinazzjoni bejnietu. Irid ikun hemm iktar ko-ordinament bejn il-partiti tax-Xellug, li f’Malta huma l-Partit Laburista u l-Alternattiva Demokratika, unjins xellugin bħalma hija l-GWU li ngħoddha bħala l-iktar unjin xellugija, għaqdiet non-governattivi bħall-Moviment Graffitti u Żminijietna – Leħen ix-Xellug u individwi li b’mod jew ieħor jaħdmu favur il-kawża xellugija.


M:Qegħdin insemmu x-Xellug imma għadna ma ddefinixxejnix x’inhu.

T:M’ilhux kellna seminar organizzat mill-GWU bl-isem “What’s Left”. Issa tista’ tieħu din il-frażi jew bħala mistoqsija jiġifieri x’fadal jew x’inkella x’baqa’ mix-Xellug. Ħafna jgħidu li wara l-waqgħa tal-Ħajt ta’ Berlin ix-Xellug ma baqax jeżisti. Dan m’hu minnu xejn.

Forsi qabel dak il-perjodu kellna kamp soċjalista li kien qiegħed jappoġġja movimenti f’pajjiżi differenti sabiex il-politika xellugija tkun tista’ timxi ’l quddiem imma dak il-kamp għamel żbalji li minnhom ix-Xellug għandu jitgħallem u m’għandux jerġa’ jirrepetihom.

Imma llum il-ġurnata, meta naraw il-kriżi kapitalista neo-liberali li qegħdin niffaċċjaw, in-nies qegħdin jindunaw li l-Lemin m’għandux s-soluzzjonijiet għal kollox kif kien hemm min qiegħed jipprova jagħti x’jifhem.

Allura ġaladarba llum nafu x’inhuma l-iżbalji li ħa x-Xellug qabel il-waqgħa tal-Ħajt ta’ Berlin, ġaladarba nafu li 30 sena ta’ politika neo-liberali ma waslitna mkien ħlief biex dawk li huma fqar ftaqru iżjed u dawk li huma sinjuri iktar stagħnew, allura issa nistgħu ngħidu li rridu nsibu Xellug li waqt li jibqa’ jagħti importanza kbira lill-prinċipji tal-ġustizzja soċjali u l-ugwaljanza jeħtieġ ukoll jitkellem iżjed dwar ekoloġija sostenibbli.

Għalhekk naħseb li għandu jara liema kienu dawk il-metodi li falla fihom u li ma ħax il-kredibilità li kienet tixraqlu u jitkellem b’mod li jintlaqa’ iżjed min-nies biex il-politika xellugija tkun tista’ tissaħħaħ.


M:Ħafna jassoċjaw ix-Xellug mal-Kommuniżmu u allura jarawh b’lenti negattiva. Kemm kien Xellugi l-Kommuniżmu?


T: Li kellna nagħmlu analiżi ta’ kemm il-Kommuniżmu kien Xellugi fil-prattika tiegħu rridu naraw liema esperimenti ħa nieħdu quddiemna. Per eżempju, jekk nieħdu l-Unjoni Sovjetika l-ikbar żball li għamlet kien li ippruvat tiġġieled l-imperjaliżmu tal-Lemin billi toħloq imperjaliżmu tagħha. Hemmhekk falliet.

Kienet qiegħda tiċċentralizza l-poter mentri x-Xellug li kellu bżonn l-iktar kien li jifrex il-poter. Kien qiegħed joħnoq ċertu libertajiet biex jipprova jasal għal-libertà industrijali. Dawn l-anomaliji żgur li ma tawx isem tajjeb lix-Xellug.

Imma mbagħad kien hemm esperimenti oħra li qegħdin jaħdmu u nistgħu ngħodduhom max-Xellug. Bħalma huwa l-“esperiment” tal-Veneżwela u l-Brażil. U dan qiegħed jiġri għax popli sħaħ fl-Amerika t’Isfel li tant sofrew minn indħil mill-Istati Uniti llum il-ġurnata għarfu jirritaljaw għal dawk l-inġustizzji kbar u sabu sistema kif mhux biss jirritaljaw għall-poter imma jaraw kif joħolqu ordni ġdida f’pajjiżhom li twassalhom għal iktar ġustizzja soċjali u iktar ugwaljanza.

Jekk tara l-proġett li qiegħed jaħdem fuqu l-President Brażiljan Lula, biex jaqta’ il-ġuħ fil-pajjiż, tinduna kemm dak huwa mod tajjeb ta’ kif qiegħed jaħdem ix-Xellug.

Għalhekk ngħid li x-Xellug trid tara f’liema parti tad-dinja u f’liema żmien tal-istorja qegħdin nitkellmu dwaru ħalli mbagħad inkunu nistgħu niġġudikaw ix-Xellug kif ħadem.

Imma x-Xellug meta ma jagħrafx iġedded lilu nnifsu ċertament jispiċċa jfalli. Ħu Kuba … li kieku m’għamlitx bidliet kostituzzjonali fil-bidu tas-snin 90 ċertament li llum ma konniex nibqgħu nsejħulha soċjalista.


Imma hawn min jikkritika lil Kuba li baqa’ pajjiż iżolat u hemm il-faqar?

Jien Kuba kort u xi tip ta’ ġudizzju aħjar minn min ma marx nista’ nagħtih. Li nnutajt fil-pajjiż huwa li rigward ħtiġijiet bażiċi, bħal ikel u edukazzjoni, dawn qegħdin hemm. Rigward ‘housing’ u saħħa l-ħtiġijiet qegħdin jiġu milħuqa.

Forsi l-problema li hemm hija li m’hemmx ċertu libertà intelletwali. Dik hija problema li hemm bżonn tiġi indirizzata minn dawk li qegħdin imexxu l-pajjiż. Jekk tara l-kotba li jinbiegħu fil-libreriji u l-kurrikulu fl-iskola dawn iħarsu biss lejn irkejjen tas-soċjoloġija u jwarrbu oħrajn. Dan ċertament ma jagħtix libertà sħiħa tal-ħsieb lill-individwu.

Mill-banda l-oħra trid tqis li Kuba għandha kull raġun tħossha assedjata. Tinsab kilometric biss bogħod minn dak li huwa l-għadu storiku tiegħu erħilha li llum il-ġurnata, b’Obama bħala president, l-Istati Uniti qiegħda toffri l-id tal-ħbiberija biex iż-żewġ naħat jippruvaw isibu kompromessi li fl-aħħar 50 sena ma nstabux.

M:Għaliex matul is-snin f’diversi pajjiżi kien hemm tmexxija leminija? Taħseb li x-Xellug ma jappellax biżżejjed?

T:L-ikbar problema hija ta’ ‘leadership’ … min qiegħed fit-tmexxija. U għalhekk ix-Xellug għandu jagħraf dejjem iktar kif ikun diġeribbli mal-poplu… ħalli jinżel fil-livell ta’ dawk li għandhom irridu li jasal il-messaġġ.

Meta jkollok problema ta’ ‘leadership’, jekk il-mexxejja xellugin ma jfittxux li jagħmlu alleanzi ma’ kategoriji ġodda tas-soċjetà qatt m’hu se jaslu biex ikollhom il-poter. Nippreferi xellug li jipprova jitla tliet tarġiet u jitlahom milli jipprova jitla 10 u ma jitla l-ebda tarġa.

Jekk ix-Xellug ma jkollux diskors politiku li jasal għand in-nies b’mod li jiġi milqugħ bilfors li mhux se jiġi milqugħ. Imma mbagħad hemm kwistjoni oħra li hija ikbar minn hekk u li rridu nagħtu kasha. Il-Lemin jemmen ħafna fil-kapital. U ħafna drabi l-mezzi tax-xandir ikunu kontrollati minnu.

Għalkemm ma jkunx jidher li qiegħed jiċċensura lix-xellugin, fil-fatt hekk ikun qiegħed jagħmel il-Lemin.

F’Malta ċensura diretta m’għandekx imma min għandu l-kapital f’idejh żgur li jirnexxielu jasal b’iktar qawwa għand in-nies.

Għandek ukoll min, bħall-Knisja, li storikament m’għenux biex is-Soċjaliżmu jkun jista’ jasal għand in-nies b’mod dirett. Il-Knisja Kattolika għamlet kruċjata sħiħa kontra l-Kommuniżmu fir-Russja imma l-kruċjata sħiħa kontra l-kapitaliżmu qatt ma rajtha.

Ħafna jsemmu kemm il-Papa Ġwanni Pawlu II kellu rwol kbir fil-waqgħa tal-Unjoni Sovjetika. Ċertament żgur ma jistax jiġi mfakkar li ġġieled l-esaġerazzjonijiet u n-nuqqas ta’ regolamentazzjoni li ġab miegħu l-kapitaliżmu.

F’Malta kellek partit tal-lemin, bħall-PN, li rnexxielu jġib is-simpatija wiesgħa kemm ta’ dawk li huma midħla kbira fil-Knisja u kemm ta’ dawk li għandhom twemmin liberali.


M:F’Malta kien hawn min qal li l-PN sar iktar xellugi mill-Partit Laburista. Taqbel magħhom?

T:Skont lejn liema ‘issues’ tħares lejhom. Ċertament li hemm kurrenti fil-PN li jistgħu jiġu msejjħin soċjal-demokratiċi. Imma bħal kwalunkwe partit demokristjan ieħor fl-Ewropa rnexxielu jaħdem bħal pendlu li daqqa jmur lejn is-soċjal-demokrazija u daqqa lejn politika iktar konservattiva u neo-liberali biex ikun jista’ jżomm l-alleanza wiesa’ ħalli jkun jista’ jilħaq lin-nies.

Jekk il-PN huwiex iktar xellugi mill-Partit Laburista din hija ħaġa li ma nistgħux ngħiduha.

Forsi hemm ċerti elementi ta’ nazzjonaliżmu li kien jintuża b’mod anti-kolonjali f’perjodi imgħoddija li taw xeħta ftit leminija lill-Partit Laburista imma ċertament li jekk hemm xi mibgħeda lejn l-immigranti illegali din mhiex ġejja biss min-nies li jappoġġjaw partit jew ieħor.

M:Kemm taħseb li l-Partit Laburista għadu xellugi?

T:It-tmexxija ta’ Alfred Sant ma kinietx tagħti spazu biżżejjed lill-għaqdiet xellugin erħilha li fil-ġurnali llum qiegħed jikteb li dan għandu jsir.

B’Joseph Muscat fit-tmexxija, il-Partit Laburista qiegħed jipprova jiftaħ iktar dirgħajh lejn l-għaqdiet xellugin.

Għalkemm il-Partit Laburista nqisu bħala xellugi nixtiequ jkun iktar xellugi milli hu. Imma kif qed ngħid… Muscat qiegħed juri li lest jgħix f’armonija akbar ma’ għaqdiet xellugin.

M:U kif jista’ jkun iktar xellugi l-Partit Laburista?

Billi jagħti każ iktar il-karbiet popolari tan-nies u jsarrafhom f’kampaniji diretti. Jista’ jkun iktar xellugi billi jnaqqas il-burokrazija fi ħdanu u jagħti xeħta iktar ta’ moviment lill-partit.

Hemm kwistjonijiet li flok tiġġieldilhom mill-Parlament tista’ tiġġieldilhom mit-triqat. U meta ngħid hekk mhux qiegħed ngħid li għandu jsir xi storbju fit-toroq imma anke, per eżempju, bi ġbir ta’ petizzjonijeit.

Dawn is-sinjali wkoll qegħdin narawhom bit-tmexxija ta’ Muscat. Jekk tieħu l-mod kif qiegħed jieħu ħsieb il-kwistjoni tal-VAT fuq ir-reġistrazzjoni tal-karozzi, dak sinjal li l-Partit Laburista lest jieħu forma ta’ moviment iktar milli ta’ partit burokratiku.

Il-Partit Laburista m’għandux lanqas iwarrab diskors dwar il-faxex debboli li forsi kien jinstema snin ilu.

Jekk insemmu l-faqar, studju riċenti wera li 21.9% tat-tfal Maltin qegħdin jgħixu fil-faqar ma jistax ma jitkellimx fuq ħaġa bħal din u jindirizza l-problema.

Fl-istess ħin il-Partit Laburista jrid jindirizza persuni li għandhom aspirazzjonijiet iktar għoljin imma ċertament jista’ jkun iktar xellugi billi jagħti każ ta’ kwistjonijiet tax-xogħol li qegħdin jeħżienu bħal dik tal-ħaddiema li spiċċaw jaħdmu ġimgaħ ta’ erbat ijiem u nies li qegħdin jiġu sfurzati minn min iħaddimhom biex jirreġistraw bħala ‘self employed’ ħalli ma jkolhomx benefiċċji li joffrilhom impjieg full-tajm.

Allura għandna sitwazzjoni fejn hemm sidien li qegħdin jgħaddu minn toqob fil-liġi li għadhom ma ġewx indirizzati meta l-PN kien wiegħed li se jindirizzahom u baqa’ m’għamilx hekk.

Għandek ukoll professjonisti li sa’ ftit ilu kienu jħossuhom indipendenti u llum qegħdin jaraw il-livell tal-għixien tagħom nieżel u allura jrid ikollok alleanzi bħal dik tal-GWU mal-10 unjins oħra li ġejjin minn setturi professjonisti biex tiffaċċja dan it-theddid għall-ħaddiem.

Ħaġ’oħra li l-Partit Laburista jista’ jagħmel biex ikun iktar Xellugi hija li jitkellem iktar b’saħħa fuq id-drittijiet ċivili. Jekk nieħdu l-kwistjoni tad-divorzju qabel donnu li l-Partit Laburista kien qiegħed jitkellem bis-saħħa dwaru imma llum donnu ntrikeb minn ċertu mistħija dwar is-suġġett.

Meta r-realtà hija li f’pajjiżna għandna madwar 11,000 separat u għalhekk il-problemi tagħhom jeħtieġ nindirizzawhom.

Storikament l-Partit Laburista huwa magħruf bħala l-Partit tal-Ħaddiema. Imma ħafna ħaddiema jivvutaw lill-PN. Allura taħseb li m’għadux jattira daqshekk lill-ħaddiema?

Fl-aħħar elezzjonijiet ġenerali l-Partit Laburista baqa’ jattira lill-faxex ta’ taħt imma ma artikulax diskors tajjeb biżżejjed biex jattira lill-klassi tan-nofs u li ironikament hija faxxa li gvernijiet Laburisti ikkontribwixxew biex jikbru.

Għandek sitwazzjoni ambigwa fejn l-istess nies li l-Partit Laburista għen meta kien fil-gvern biex jinqalgħu mill-faxxa ta’ taħt ma baqgħux attirati lejh.

U jekk l-isfidi li qegħdin jiffaċċjaw il-klassi medja jagħmilhom tiegħu u jara kif se jindirizzahom allura jkun qiegħed iwessa’ dirgħajh lejn firxa ikbar ta’ nies.

Min irid jikkuntattja lill-Moviment Azzjoni Xellug jista' jibghat email: movimentazzjonixellug@gmail.com

Monday, April 13, 2009

It-Trejdjunjoniżmu u l-Politika: X’relazzjoni għandu jkun hemm? - Ħarsa diretta lejn il-GWU tal-bieraħ u tal-lum


Dan huwa l-artiklu li fuqu bbazajt diskors li gejt mitlub naghmel fuq dan is-suggett gewwa l-Workers Memorial Building fil-Belt Valletta waqt is-seminar imtella' miz-zghazagh tal-GWU bit-tema ta' What's Left? li sar nhar is-Sibt 11 t'April. Dan l-artiklu gie pubblikat f' It-Torca tad-19 t'April, 2009.

F’dan l-artiklu se jkunu identifikati t-tipi differenti ta’ hidma li hadet sehem fiha il-General Workers Union bhala trejdjunjin xellugija, b’tali mod li rrifletiet l-fazijiet politici, ekonomici u socjali differenti li pajjizna ghadda minnhom f’dawn l-ahhar 65 sena. Sejrin naraw il-mod li bih il-GWU ghazlet li tahdem, u lejn min qed taghzel li tiftah dirghajha. Sejrin nesploraw x’inhu l-ahjar mod kif trejdjunjin xellugija tahdem bih u x’tip ta’ relazzjonijiet ghandha zzomm biex tkun relevanti u effettiva ghal zminijietna.

Irwoli

L-irwol ta’ partit politiku huwa dak li johrog b’politika fuq diversi temi, jikkonvinci lic-cittadini li hija wahda tajba ghalihom u jakkwista l-kunsens biex dik il-politika jwettaqha. Xogholu huwa wkoll li jaghmel rezistenza, permezz tal-mezzi li jkollu, u alleanzi li jkun ifforma, sabiex ma jsirux tibdiliet li f’ghajnejn dak l-istess partit ma jkunux mehtiega jew aghar minn hekk ikunu ta’ hsara. Nistghu nghidu li ghalkemm il-partiti politici biddlu hafna l-mod kif joperaw u jwasslu l-politika taghhom lic-cittadin, xorta wahda l-funzjoni taghhom baqghet pjuttost l-istess.

Ma nistghux nghidu l-istess haga ghall-unjins. Dawn fil-bidu twieldu sabiex jistinkaw ghal titjib fil-kundizzjonijiet tax-xoghol u zieda fil-pagi tal-haddiema. Illum il-gurnata il-funzjoni tal-unjins twessghet aktar sabiex tirrifletti t-totalita’ tal-persuna u tirrifletti aktar bis-shih is-socjeta’ li tkun qed topera fiha. B’hekk l-unjins barra li jqisu l-membri taghhom bhala haddiema, illum ghandhom il-htiega li jaghrfu jindirizzaw il-htigijiet tal-membri taghhom bhala: konsumaturi; nies li jappartjenu ghal etnicita’ differenti; nies li ghandhom sitwazzjonijiet familjari differenti; nies li ghandhom interessi personali fl-individwalita’ taghhom; u ghandhom jaghrfu jindirizzaw l-htigijiet edukattivi tal-membri.

Il-GWU – Metodi differenti matul iz-zmien

Il-GWU matul l-istorja taghha turina kif kull zmien igib sfidi differenti mieghu. L-ewwel sfida li affaccjat l-unjin mat-twelid taghha fl-1943 kienet dik li joghlew il-pagi tal-haddiema tat-Tarzna. L-istrajks li saru f’dik is-sena min-nies tat-Tarzna, dawk tas-Servizzi u impjegati ohra tal-Gvern wasslu lil GWU biex tikseb dak li xtaqu l-haddiema bil-patt li ma tistrajkjax darba ohra matul it-Tieni Gwerra Dinjija1. B’hekk rajna kif il-GWU kienet qed taqdi funzjoni li ghaliha twieldu originarjament it-trejdjunjins.

Jekk immorru ghat-28 t’April tal-1958 naraw kif il-GWU kienet qed tahdem mill-qrib mall-Partit Laburista fi hdan il-Moviment Laburista. L-agenda principali ta’ dawn it-tnejn kienet tara li Malta ghandha tkun immexxija mill-Maltin, u b’hekk il-Gvern Ingliz kien meqjus bhala l-akbar katina li kienet qed ixxekkel lill-Maltin. B’hekk tlett ijiem wara l-istrajk nazzjonali, fic-celebrazzjoni tal-Ewwel ta’ Mejju tal-1958, waqt meeting “privat” imtella’ mill-GWU u l-PL gewwa l-grawnd tal-Gzira, l-Assistent Segretarju Generali tal-GWU, Joe Attard Kingswell, qal li “l-gvernatur kien qed igib ruhu b’mod illegali u kien sar dittatur. Ix-xewqa issa hi li l-Maltin isiru tassew sidien f’darhom..”2. B’hekk hawnhekk rajna kif f’dak il-perjodu il-GWU hadet dimensjoni anti-kolonjali u kienet dahlet f’alleanza mall-PL sabiex tilhaq l-ghanijiet taghha.

F’Mejju tal-1978 il-GWU u l-Partit Laburista (fil-Gvern) izzewgu flimkien billi inghaqdu b’mod statutorju1. Din ir-rabta tat lil GWU sehem aktar importanti fil-holqien tal-Welfare State f’Malta. Din ir-rabta kellha ddum erbatax-il sena sakemm f’Marzu 1992 id-delegati tal-GWU iddecidew li din ir-rabta kellha tinhall1. Din ir-rabta setghet nehhiet mill-indipendenza tal-unjin, u setghet ukoll cahhdet lill-unjin milli tohloq alleanzi ma’ unjins jew ghaqdiet ohra biex tmexxi ‘l quddiem l-agenda taghha f’pajjizna. B’hekk rajna kif il-GWU rat ir-rabta shiha ma’ partit tax-xellug bhala ghodda ta’ gid ghall-membri fi hdanha. Tracci ta’ din l-alleanza bejn it-tnejn bqajna narawhom bic-car sal-2003/4, meta l-GWU kienet l-unika unjin li taghzel li jkollha l-istess politika bhall-PL rigward shubija shiha fl-UE3.

Fis-Sajf tal-2008, waqt li kienet ghaddejja l-kwestjoni tal-Privatizzazzjoni tat-Tarzna u l-iskemi tal-irtirar ghall-haddiema taghha, rajna lill-GWU ssib l-appogg taz-zewg partiti tax-xellug f’Malta, cjoe’ il-PL u l-Alternattiva Demokratika (AD). Sabet ukoll l-appogg ta’ ghaqdiet tax-xellug bhal Moviment Graffitti u Zminijietna-Lehen ix-Xellug. Ghalkemm din ma kienetx alleanza mahsuba, izda kienet qieghda ssir b’mod informali, din wasslet sabiex l-iskemi ta’ irtirar li nghataw kienu aktar generuzi4. Hawnhekk rajna kif ir-rabta bejn il-GWU u l-PL ma saritx b’obbligu, izda kienet qieghda ssir abbazi tal-issue li kien hemm quddiemhom.


Il-GWU illum

Prezentament l-unjin ghandha strutturi fi hdanha li jaghmluha relevanti u effettiva ghal zminijietna. Li kieku l-GWU m’ghazlitx li tiehu dawn il-passi kienet tkun qieghda taghmel hsara lilha nnifisha. Bil-bidliet ekonomici li rajna f’dawn l-ahhar snin, fejn il-Gvern immexxi mill-PN ra li jimbotta politika neo-liberali li qieghda twassal biex ikun hawn: aktar attivita’ spekulattiva milli produttiva f’pajjizna; l-importazzjoni taqbez l-esportazzjoni; u l-qasam tas-servizzi dejjem jikber filwaqt li dak tal-manifattura dejjem jickien; certament illi li kieku l-unjin ma gharfitx taghmel certu bidliet ma konniex nistghu nibqghu nsejhulha l-akbar unjin f’Malta.

Bit-taqsima tal-Professjonisti, Servizzi u Finanzi fi hdan il-GWU taghmel l-ghalmu taghha biex izzid il-membri fi hdanha qed isir kumpens ghal membri li qed jintilfu minn setturi ohra tal-ekonomija. L-gharfien li kisbet il-GWU biex tirraprezenta lill-haddiema tal-Malta Standards Authority f’Settembru li ghadda jista jservina ta’ ezempju5. Certament li ghalkemm din hija hidma difficli, ir-rizultati qieghdin ikunu miksuba. Il-professjonisti li raw il-kwalita ta’ kundizzjonijiet tax-xoghol taghhom ikunu mnaqqsa u li qabel kienu jhossuhom bhala haddiema indipendenti qed ifittxu li jkunu f’unjin6. Din hija nicca fit-trejdjunjonizmu li tajjeb li tkun sfruttata sewwa. Ezempju ta’ professjonisti f’Malta li ghazlu li jkunu unjonizzati huma l-infermiera u l-qwiebel li waqqfu l-MUMN fl-1996.

Illum il-gurnata l-GWU izzomm relazzjoni tajba ma’ unjins li jirraprezentaw professjonijiet differenti. Rigward il-kwestjoni tal-gholi ezagerat fit-tariffi tad-dawl u l-ilma, li l-GWU ghazlet li tkun minn ta’ quddiem biex tahdem kontrihom kif inhuwa xieraq (ghaliex jippremjaw lil min jikkonsma l-aktar u jikkastigaw lil min jikkonsma bil-qies), rajna kif unjin li kienet minn dejjem assocjata ma’ impjegati li jaghmlu xoghol manwali dahlet f’alleanza wiesgha ma’ ghaxar unjins li jirraprezentaw professjonijiet differenti. Sa ftit ilu hadd ma kien jahseb li l-unjin tal-ghalliema l-MUT setghet tkun f’alleanza organizzata mall-GWU, izda dan qed isehh. L-unjin qieghda tikollabora mill-qrib ma’ unjins li jirraprezentaw lill-istaff akkademiku tal-universita’, ma’ bdoti u haddiema tal-cabin crew, inginiera u periti, u professjonisti ohra. Din l-alleanza ma nahsibx li setghet issir kieku l-GWU baqghet f’rabta diretta mall-PL. Din l-alleanza turina kif il-GWU qieghda taqbez ghal dawk membri taghha bhala konsumaturi tad-dawl u l-ilma, u b’hekk qed turi li mhux qed tara l-membri taghha bhala haddiema biss.

Mod iehor kif il-GWU thares lejn il-membri taghha fit-totalita’ taghhom hija billi taghti kaz il-htigijiet edukattivi taghhom u anke ta’ dawk li m’humiex membri maghha. Mayo, Pace u Zammit (2008), meta janalizzaw l-edukazzjoni ghall-adulti fi stati zghar u jiehdu l-kaz ta’ Malta, jargumentaw li l-agenzija edukattiva tal-GWU, cjoe’ il-Fondazzjoni Reggie Miller, tista’ tkun meqjusa bhala l-akbar entita’ tal-edukazzjoni non-vokazzjonali ghall-adulti li ghandna f’Malta7.

B’policy paper mahruga f’Settembru tal-2008 il-GWU rat ukoll kif taghmel pass ‘l quddiem biex tiddefendi l-interessi ta’ minoranzi etnici fi hdan is-socjeta’ taghna. B’din il-policy paper il-GWU uriet kif hija lesta li tiddefendi l-interessi tal-haddiema li ma humiex Maltin u tahdem sabiex dawn ma jigux sfruttati u jibdew jikkontribwixxu ghat-taxxa fuq id-dhul taghhom u anke jhallsu n-national insurance8. Din il-politika tal-GWU taqbel ma’ dak li jsemmi Wallerstein (2000) meta janalizza x’ghandu jkun il-futur tat-trejdjunjonizmu6.

Hemm kategoriji ohra fis-socjeta’ li l-GWU ghandha tara li tilhaq dejjem aktar. It-track record tajjeb li thaddan il-GWU rigward l-involviment tan-nisa fi hdanha ghandu jinzamm u jissahhah. Il-minoranzi sesswali ukoll ghandhom jinghataw kaz, u allura emfazi kontra l-omofobija tkompli turi li t-trejdjunjin tkun qieghda thares lejn il-membri taghha fit-totalita’ taghhom bhala persuni.

Bhalma l-GWU qieghda tahdem fi progett sabiex jissahhah it-turizmu f’Malta, il-GWU ghandha wkoll tara li tahdem fi progetti li jgibu aktar green collar jobs. Dawn ikunu impjiegi li filwaqt li jkunu qieghdin jaghtu d-dinjita’ tax-xoghol lil aktar nies, ikunu qieghdin jikkontribwixxu sabiex jintuzaw prodotti li jikkonsmaw anqas energija u energija aktar nadifa. Permezz taghhom tkun miggielda il-bidla fil-klima li qed tesperjenza d-dinja. Inizjattivi bhal dawn igibu lill-GWU f’aktar armonija ma’ dawk li huma ambjentalisti, u b’hekk jissahhu wkoll il-kredenzjali ambjentali tal-unjin.

Il-GWU m’ghandhiex tiddejjaq tipronunzja ruhha rigward il-kwestjoni tal-paci. Din hija kwestjoni li ghandha relazzjoni diretta ma’ dik tax-xoghol peress li l-gwerer igibu qerda tal-postijiet tax-xoghol, u instabilita’ kbira fl-impjiegi. Icahhdu lill-bniedem mill-aktar htigijiet bazici ta’ sigurta’, housing, u ghixien dicenti. Dan iressaq lill-unjin lejn dawk li ghandhom ghal qalbhom il-kwestjoni tal-paci fid-dinja u jaghti xehta aktar internazzjonalista lill-istess unjin.

Valuri progressivi bhalma huma l-htiega ta’ drittijiet civili godda f’pajjizna ghandhom ukoll ikunu pronunzjati mill-unjin. Dan jaghti lok sabiex forom differenti ta’ familja li huma r-realta’ tal-lum il-gurnata jhossuhom aktar inkluzi f’din l-unjin. Dan ikompli jghaddi l-messagg li l-unjin qieghda hemm sabiex taghti kaz tal-aspetti kollha tal-hajja.

Ahwa iva, mizzewga le

Bhala trejdjunjin xellugija il-GWU m’ghandhiex terga taraha bhala htiega dik li tintrabat ma’ partit politiku xellugi. Sistemi li gabu rizultati tajbin il-bierah ma jfissirx li jistghu igibu rizultati tajbin illum. Il-GWU m’ghandhiex tiddejjaq tissieheb f’alleanzi li jsiru fuq bazi ta’ issues minn zmien ghal zmien. M’ghandhiex tiddejjaq li tohloq kollaborazzjoni sinkronizzata waqt li tkun qed tahdem fuq dawn it-temi. Il-GWU ghad ghandha l-irwol li tqajjem kuxjenza politika fi hdan il-membri taghha u anke dawk li m’humiex (peress li hija unjin ta’ livell nazzjonali).

Jekk tahseb biex terga’ tissieheb b’mod dirett ma’ partit politiku tkun qieghda taghti bis-sieq lir-relazzjoni tajba li holqot ma’ l-ghaxar unjins li ghamilna referenza ghalihom diga’, li meta tghoddhom flimkien tara li jirraprezentaw mat-63% tal-haddiema unjonizzati f’Malta. B’danakollu bl-ebda mod ma rrid infisser li m’ghandux ikun hemm simpatija bejn il-GWU, u l-PL u l-AD. Jekk ma jkunx hemm simpatija tkun qed tigi mhedda s-solidarjeta’ bejn l-ghaqdiet tax-xellug. Ir-relazzjoni ghandha tkun wahda li tixbah lil dik tal-ahwa u mhux tal-mizzewgin.

Is-solidarjeta’ hija ferm mehtiega f’dawn iz-zminijiet, aktar u aktar meta l-GWU qed taffaccja metodi li ghalkemm huma legali, joholqu theddid serju fuq id-dritt ta’ azzjoni industrijali, u joholqu klima anti-demokratika. Ghalhekk nistghu nghidu li qed jithaddmu biex trejdjunjin xellugija, tkompli tinghata daqqiet ta’ mannara. Daqqiet li jekk jaghmlu l-hsara mixtieqa jkomplu jheddu d-demokrazija ekonomika f’pajjizna.

Ingibuh fejn jixraqlu!

Min qieghed jaghmel dawn l-atti llum il-gurnata ghandu jkun jaf li minn dak li jinzera’ illum sejjer jinhasad ghada. Niehu gost li qed tkompli tinzera’ il-mibgheda lejn il-politika neo-liberali taghhom, halli b’hekk tissahhah l-imhabba f’qalb il-moviment xellugi f’Malta ghall-ugwaljanza u l-gustizzja socjali. B’din l-imhabba ghal dawn il-valuri il-lemin politiku nergghu ingibuh u nsibuh fejn jixraqlu jkun. Ingibuh fuq in-naha telliefa tal-istorja.

___________________________________________________________________________

Referenzi

1. Bonnici, J. & Cassar, M. (2004) A Chronicle of Twentieth Century Malta. Malta: Gutenberg Press p177, 400, 466
2. Sant, A. (1988) 28 t’April 1958 – Il-Hobz u l-Helsien. Malta: Marsa Press p412
3. Briguglio, M. (2008) Il-Futur tal-GWU. Żminijietna, 4(20), 3
4. Brown, M. & Briguglio, M. (2009) Discouragement Amongst Ageing Workers in Malta within an EU Context. Societies Without Borders, 4(1), 45-60.
5. Il-GWU tinghata l-gharfien fl-MSA (05.09.08) Misjub fl-10 t’April 2009 minn; http://www.gwu.org.mt/main.aspx?ctrl=newsdetails&n=990
6. Wallerstein, I. (2000) Do Trade Unions have a Future? Misjub fl-10 t’April 2009 minn: http://www.binghamton.edu/fbc/46en.htm
7. Mayo, P., Pace, P.J., & Zammit, E. (2008) Adult education in small states: the case of Malta. Comparative Education, 44(2), 229-246
8. General Workers Union (Settembru, 2008) Il-Haddiema Immigranti. Misjub fl-10 t’April 2009 minn: http://www.gwu.org.mt/documents/Migrants_Workers_Paper_110908.pdf