Saturday, February 28, 2009

Castro jimxi fit-toroq ta' Havana


Il-bierah l-agenzija tal-ahbarijiet Reuters irrapurtat li Chavez (President tal-Venezwela) stqarr fuq ir-Radju li Fidel Castro hareg f'mixja taht sigurta' stretta gewwa l-Havana. Dan ghamlu wara sentejn li kien ilu ma jaghmel xi dehra pubblika. L-eks mexxej ta' Kuba li llum jghodd 82 sena wasal ukoll biex jikteb lil Chavez (f'wahda mill-ittri li jibghatlu spiss) li sahanitra mar "il-boghod" biex jara sigar li kien hawwel mal-erbghin sena ilu fil-bidu li Kuba bdiet titmexxa tahtu (1959).

Huwa interessanti li wiehed janalizza l-ghaliex ir-rivoluzzjoni socjalista gewwa Kuba irnexxielha zzomm sa issa. Jiena nemmen li whud mill-fatturi kienu l-intelligenza fit-tmexxija, l-investimenti fl-edukazzjoni u s-sahha, u l-kapacita' li jaghmlu l-bidliet necessarji mall-waqa' tal-Kamp Socjalista, ossija il-Hajt ta' Berlin.

Raul Castro, hu Fidel, issa li ghandu t-tmexxija ta' Kuba f'idu donnu qed jaghti kaz hafna tal-htiega li l-ekonomija tkun aktar produttiva u efficjenti. Il-qasam agrikolu jehtieg li jipproduci aktar ghall-Kubani. L-uragani li kellhom dan l-ahhar servew ta' xkiel mill-akbar, izda xorta d-determinazzjoni fit-tmexxija tal-haddiema tibqa' hemmhekk.

Kuba zortha f'Lulju li ghaddha. Mort Havana, Santa Clara u Cienfuegos. Ghandhom problemi f'dak li ghandu x'jaqsam trasport, xoghol produttiv u importazzjoni ta' makkinarju teknologiku. Mill-banda l-ohra in-nies jieklu sew, jilbsu sew, ghandhom kura ta' sahha tajba, edukazzjoni li taghti r-rizultati ghalkemm jixirqilha tirrikonoxxi aktar tipi ta' hsibijiet u fuq kollox livell kulturalment ta' l-ghageb.

Fil-hmistax li domt hemm rajt lil Raul jitkellem fl-assemblea nazzjonali (parlament taghhom), fuq it-televixin Kuban. Il-bniedem jidher li mhux biss irid jitkellem fuq il-problemi, izda wkoll jahdem biex isolvihom.

Awguri lil Fidel ghal aktar snin fuq dil-pjaneta. Awguri lil Raul sabiex Kuba tkun aqwa milli halliha huk il-kbir.

(Fir-ritratt t'hawn fuq - mix-Xellug - Hugo Chavez, Fidel Castro, Raul Castro)

Il-Mass Rally mill-11-il unjin


Il-bierah attendejt ghar-rally organizzata mill-alleanza tal-11-il unjin. Jaghmlu sew dawn il-11-il unjin jibqghu jikkumbattu kontra dawn it-tariffi tad-dawl u l-ilma li ma huma xejn hlief mod kif il-Gvern jigbor il-flus sabiex ipatti ghall-inefficjenzi tieghu.

Kien hemm tliet interventi. Pawlu Pace, il-President tal-Infermiera u l-Qwiebel deher timidu ghaliex forsi m’huwiex imdorri jindirizza l-folla, u s-soltu jitkellem aktar fuq suggetti li jirrigwardjaw il-qasam tas-sahha. John Bencini, ic-Chairperson tal-MUT ghamel diskors li fih spjega il-laqghat li l-unjins kellhom ma’ l-awdituri (KPMG), il-Malta Resources Authority u mall-Prim Ministru. Diskors li zamm lil kulhadd attent u rnexxielu jnissel tbissimiet mill-mod tragiku kif il-Gvern qed jimxi ma’ l-unjins. Tony Zarb, bl-antagonizmu fil-messagg tieghu b’mod indirett avza li ‘l quddiem sejra ssir dimostrazzjoni ohra rigward dan is-suggett.

Dawn il-11-il unjin jaghmlu sew li din il-battalja jiggilduha sakemm jirbhuha. Hasra li kellna c-cans naraw it-trejdjunjonizmu kollu maghqud f’Malta, u dan ma sehhx. Il-UHM taghtina x’nifhmu li ghandha spag sod imwahhal ma jdejha, u dan l-ispag qieghed f’idejn partit li jaf jinfiltra kullimkien biex inawwar l-oppozizzjoni li jkollu. Jiena cert li dawn il-11-il unjin flimkien, li jirraprezentaw mas-60% tal-haddiema kollha unjonizzati f’Malta se jaghtu lill-familji Maltin u Ghawdxin il-flus li dan il-Gvern se jkun prova jihdilhom b’tustagni, arroganza u ksuhat.

Tuesday, February 10, 2009

Il-ħaddiema mhedda u l-partiti rieqda


Jekk fl-elezzjoni ġenerali li għaddiet il-kwestjoni tax-xogħol ma kienetx fil-quċċata ta’ l-aġenda taż-żewġ partiti l-kbar f’Malta, issa qed jindunaw li ċertament din il-kwestjoni jixirqilha dan il-post. Sena ilu, Żminijietna kienet ippubblikat poster maħruġ minn Żminijietna Żgħażagħ tax-Xellug fejn kien jagħti messaġġ ċar li “Id-Dritt tax-Xogħol huwa Dritt Fundametali”. Dan id-dritt fundamentali qed jiċċaħħdu minnu aktar persuni f’dawn l-aħħar ġimgħat.

Għalkemm huma s-26 ħaddiem tal-FAL Malta Ltd., il-102 sensji tat-Trelleborg u l-450 sensja pjanata fl-ST, l-iżjed li jagħmlu ħoss f’pajjiżna, hemm sensji li qed jingħataw lil dawk li jkunu rreġistrati bħala self-employed. Persuni li jkunu mġiegħlha jirreżenjaw minn posthom sabiex jagħtu lok għal impjiegi b’inqas kundizzjonijiet. Jew agħar minn hekk, għal impjieg anqas fis-suq tax-xogħol.

Dawn is-sensji jdaħħlu lil familji sħaħ f’inċertezzi kbar, u ċertament jimminaw il-kwalita’ tal-ħajja ta’ min ikun milqut. Bil-kontijiet eżaġerati tad-dawl u l-ilma, u bl-Awtorita’ Maltija għar-Riżorsi (MRA) minn għaliha li tista’ tiddieħek f’wiċċ l-Unjins li qed jippillaw magħha rigward il-piżijiet eżaġerati tat-tariffi, il-ħaddiema milquta mis-sensji jħossuhom bħal dak il-ħmar il-magħkur li dar għalih id-dubbien.

Ħaddiema oħra li ġew milquta huma ċertament dawk l-1208 impjegat minn disa’ kumpaniji differenti. Dawn ġew sfurzati jaħdmu erbat ijiem fil-ġimgħa, b’inċertezza jekk l-impjieg tagħhom hux sejjer jinżamm jew le. Quddiem dan kollu l-ħaddiema Maltin għandhom raġun iħossu lill-immigranti rregolari, hafna minnhom Afrikani, f’pajjiżna bħala theddida għall-ħobża ta’ kuljum. Bl-istess mod jitqiesu dawk li jiġu minn pajjiżi bħas-Serbja, l-Bulgarija u r-Rumanija sabiex jaħdmu f’Malta b’kundizzjonijiet anqas minn dawk permessi bil-liġi.

Ma jidhirlix li l-Gvern Malti qed jaħdem biżżejjed sabiex jirregolarizza aktar is-suq tax-xogħol. Tali regolamentazzjoni ġġib lill-ħaddiem Malti lest li jidħol għal xogħol li għalkemm assoċċjat ma’ tbatijiet fiżiċi, ikun jirrendi qliegħ diċenti lilu u lill-familja tiegħu/tagħha. Suppost kellna nersqu biex ikollna aktar xogħol u xogħol aħjar. Bil-pajjiż jaffaċċja anqas impjiegi, il-Gvern għandu jagħmel l-għalmu tiegħu aktar biex jara li l-ispazji tas-suq tax-xogħol f’pajjiżna ikunu kollha addattati għall-ħaddiem Malti u anke għal dak li jiġi minn barra. Inkella inkunu biss qed nagħtu lok għal tipi ta’ ‘no go zones’ fis-suq tax-xogħol Malti liċ-ċittadini Maltin.

L-Unjoni Ewropea tidher li qed tibgħat messaġġi kontradittorji dwar il-kwestjoni tax-xogħol. Il-Qorti Ewropea qed tieħu deċiżjonijiet li jagħtu lok għall-esportazzjoni ta’ kundizzjonijiet inferjuri ta’ xogħol bejn il-pajjiżi ta’ l-Unjoni Ewropea infushom, bħal fil-każ Vaxholm. Min-naħa l-oħra għandek il-Parlament Ewropew li beħsiebu jgħaddi liġi li tikkastiga bl-aħrax lil dawk li jħaddmu l-immigranti b’mod illegali. Fost il-penali hemm il-ħlas ta’ pagi b’lura f’livelli mitluba mil-liġi; li jkunu mċaħħda milli jidħlu għal tender pubbliku fl-UE; u li ma jirċevux għajnuna mill-istat. Ħabs u multi għoljin huma wkoll imsemmija. Nisperaw li liġijiet bħal dawn, meta jkunu approvati jibdew ikunu wkoll infurzati.

Dawn il-kontradizzjonijiet jagħmlu għajb lill-UE, u għalhekk l-għajta ta’ Ewropa Soċjali mill-Partiti Ħodor u Xellugin f’Ġunju li ġej għandha mnejn tinstema’ bħal eku għas-sentiment tal-ħaddiema. Liema ħaddiema qed jaraw is-sitwazzjoni tagħhom fis-soċjeta’ b’ħafna anqas xinxilli milli kienu jarawha qabel faqqgħet il-maltempata tal-kriżi finanzjarja u ekonomika dinjija.

F’Diċembru li għadda l-qgħad f’Malta laħaq is-6,373 persuna, u fiż-żmien li għadda s’issa, is-sitwazzjoni ċertament li ma marritx għall-aħjar. Il-GWU hija l-aktar unjin li qed ikollha tħokk rasha f’dan il-mument, peress li l-kategoriji ta’ ħaddiema li tirrapreżenta ġejjin mill-aktar settur milqut mit-tqaċċit u t-tnawwir tal-impjiegi, ċjoe’ dak tal-manifattura. Ma nagħtix tort lill-unjins li jħossuhom mexjin f’għalqa mimlija mini, li lesti jisplodu ma’ kull rifsa żbaljata. Jekk l-unjins juru ruħhom li għandhom saħħa akbar milli verament għandhom, jistgħu inaffru l-impjiegi minn pajjiżna. Filwaqt li jekk juru ruħhom dgħajfa jkunu qed jagħtu spazju għat-twettieq tal-pjani mingħajr ħniena li s-sidien tal-kumpaniji jkollhom fi ħsiebhom. Jagħmlu dan mingħajr ma jqisu s-saram li jkunu se jdaħħlu fih lill-familji u lil koppji żgħażagħ. Min ikun miexi fuq ħabel stirat, iżidulu n-nar jaħraq tielgħa minn taħtu.

Għalhekk ma niddejjaqx intenni dak li Żminijietna ilha tħambaq fuqu, ċjoe’ li tissaħħaħ l-għaqda bejn l-unjins. Għandna l-fortuna li fejn pajjiżi oħra, huma 62% tal-ħaddiema li qiegħdin f’unjin (statistika tal-2005). Għalkemm dan in-numru huwa iċken minn tal-pajjiżi Nordiċi, jaqbeż sew il-medja tal-pajjiżi fl-UE li qiegħda 25%. Fl-aħħar mill-aħħar ma humiex dawn in-numri li jgħoddu, iżda kemm ikollok xenarju fejn il-ħaddiema lesti jistinkaw biex jieħdu dak li jmisshom fil-mument tal-ħtieġa. Mingħajr unjins magħqudin, dan ix-xenarju se jibqa’ jinħass fil-bogħod. Il-UĦM għandha turi aktar disponibilita’ f’din il-kwistjoni, għaliex il-logħba tat-trampolin ma tagħmilx ġieħ lir-rappreżentanti tal-ħaddiema.

Il-Gvern imissu jaf illi billi joqgħod jilgħab bin-numri ta’ kemm se jitkeċċew ħaddiema mill-ST, m’hu se jkun qiegħed isolvi l-ebda problema. Ikun aħjar li jxammar il-kmiem u jgħolli l-kalzetti biex flok ikompli jippersisti li jkabbar l-ekonomija bil-logħob ta’ l-azzard, is-servizzi finanzjarji u b’xi ħofra kbira fil-Belt, ikabbar l-ekonomija b’attivita’ produttiva li tpoġġina f’qagħda li nimportaw anqas u nesportaw aktar.