Monday, December 8, 2008

L-Oriġini tas-Soċjaliżmu; minn Rousseau sa Marx


Dan huwa diskors li għamilt fiċ-Ċentru Laburista tal-Fgura, waqt seminar imtella’ mill-Forum Żgħażagħ Laburisti ta’ l-istess lokal, nhar is-Sibt 6 ta' Diċembru 2008. Seminar li kien iġib it-titlu « Xi tfisser tkun Soċjalista? ». Din hija sinteżi tat-twelid u l-evoluzzjoni tas-soċjaliżmu u l-kunċetti li fuqhom huwa bbażat. Sinteżi mfassla fuq il-ktieb « A History of Socialism and Communism in Modern Times » ta’ Warren Lerner.

Biex jirnexxielna nitfgħu ħarsitna fuq din it-tema jeħtiġilna ngħaddu qalb skejjel differenti ta’ ħsieb biex nagħtu idea ta’ forom varji ta’ soċjaliżmu li ġew iffurmati fi Franza, l-Ingilterra u l-Ġermanja bejn it-tmintax u d-dsatax-il seklu. Se naraw kif kien hemm min ħaseb li teżisti l-ħtieġa tal-konfrontazzjoni diretta mall-klassi dominanti tas-soċjeta’, biex is-soċjaliżmu jkun jista’ jintlaħaq u kien hemm min, għal kuntrarju ta’ dawn, kellu attitudni passiva. Ċertament li dawn huma biss uħud mill-iskejjel filosofiċi li nibtu f’dan il-perjodu.

L-Oriġini


Is-soċjaliżmu bħala ideoloġija politika essaċċ joriġina mis-seklu tmintax permezz tal-Moviment Illuminista, u kien ta’ tweġiba għall-problemi soċjo-ekonomiċi li l-era industrijali ġabet magħha.

Jeżistu diversi tipi ta’ soċjaliżmu, iżda kwalunkwe’ soċjalist jaqbel illi fi ħdan is-sistema Kapitalista (fejn għandek ix-xogħol li jipproduċi l-kapital u jkabbar il-propjeta’ innifisha) jasal biex ikollok sfruttar ekonomiku u soċjali tal-persuni. B’hekk is-soċjaliżmu twieled bħala alternattiva għall-Kapitaliżmu sabiex iġib ġustizzja soċjali u ekonomika fid-dinja moderna.


Rousseau

Il-missier intelletwali tas-soċjaliżmu nistgħu ngħidu li kien Jean Jaques Rousseau (1712-1778) li permezz tal-kitba tiegħu « Id-Diskors fuq l-Oriġini ta’ l-Inugwaljanza » (1755) huwa analizza kif il-materjaliżmu fis-soċjetajiet moderni kien qed jikkorompi lill-bniedem. Ra kif il-liġijiet kienu biss regoli vvintati minn dawk li għandhom il-propjeta’, biex iservu ta’ tirannija fuq dawk li m’ghandhomx. Fil-kitba Il-Kuntratt Soċjali (1762), Rousseau juri kif hija r-« rieda ġenerali » li twassal biex ikun jista’ jsir il-ġid fis-soċjeta’. B’hekk l-ideja tiegħu ta’ sovranita’ poplari ingħatat aktar forma.

Ir-Rivoluzzjoni Franċiża

Ir-Rivoluzzjoni Franċiża (1789), magħmula mill-klassi tan-nofs li kellha l-propjeta’ ħolqot klassi ta’ mexxejja ġodda fi Franza. Din neħħiet mill-poter lill-kleru u lin-nobilta’. Il-Manifest tar-Rivoluzzjoni kien Id-Dikjarazzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u taċ-Ċittadin (26 t’Awissu, 1789). Dan id-dokument ta lil kull persuna Franċiża sbatax-il dritt fundamentali. Din id-dikjarazzjoni għalkemm neħħiet il-privileġġi tal-kleru u tan-nobilta’, ma ratx kif tagħmel tqassim mill-ġdid tal-propjeta’ fil-pajjiż.

Il-Franċiżi li kienu jgħixu fiz-zoni rurali riedu li dan iseħħ ukoll. Riedu li mhux id-drittijiet biss ikunu indaqs għal kulħadd iżda wkoll il-propjeta’. L-għajta li nibtet u li malajr saret il-kredu tar-rivoluzzjoni kienet dik ta’ “Liberta’, Ugwaljanza u Fraternita’”. B’hekk din ir-radikalizzazzjoni tar-rivoluzzjoni wasslet biex għal ftit il-Ġakobini saru l-forza dominanti tagħha. Il-Ġakobini, forza radikali fi ħdan il-klassi l-ġdida ta’ mexxejja wasslu biex jagħfsu għal aktar ġustizzja ekonomika u soċjali. Fis-sajf ta’ l-1794 dan kollu spiċċa bil-mewt ta’ Robespierre.

Babeuf

L-ewwel moviment soċjalista attiv nistgħu ngħidu li twaqqaf permezz ta’ Babeuf (ġurnalist) fl-1795. Dan kien qara lil Russeau, iżda ma kellux livell intelletwali għoli. Bil-Manifest ta’ l-Indaqs miktub minn Marechal għal dan il-moviment, intweriet il-filosofija ta’ l-espropjazzjoni tal-propjeta’ u l-eliminazzjoni tal-wirt. Babeuf spiċċa ssentenzjat għall-mewt meta il-moviment hekk imsejjaħ Il-Konfoffa ta’ l-Indaqs beda jitwessa’ għal gruppi soċjali oħra, u b’hekk ma baqax jopera biżżejjed fil-moħbi.

Fl-Ingilterra

L-Ingilterra wkoll għandha rwol ċentrali fit-twelid tas-soċjaliżmu modern. Dan minħabba l-fatt li l-iżvilupp ekonomiku tas-seklu tmintax wasslu biex jinħolqu kunflitti bejn klassijiet soċjo-ekonomiċi differenti. L-espropjazzjoni ta’ l-għelieqi ta’ bdiewa fqar wasslet biex inħolqot il-ħtieġa ta’ ekonomija bbażata fuq il-manifattura, li tat xogħol lil dawk li qabel kienu bdiewa u allura kienu spiċċaw mingħajr impjieg. Bil-propjetarji tal-fabbriki u dawk ta’ l-irziezet jistgħanew, u bin-nies qiegħda li spiċċaw aċċettaw kull impjieg li ngħata lilhom, l-Ingilterra spiċċat tħaddan żewġ nazzjonijiet fuq art waħda. Wieħed b’dawk sinjuri żżejjed u l-ieħor ta’ dawk li kienu fqar wisq.

Robert Owen

Il-fundatur tas-soċjaliżmu fl-Ingilterra jitqies li kien Robert Owen. Owen prova jsib tweġiba għal dawn l-inġustizzji maħluqa f’pajjiżu. Dan kien propjetarju ta’ fabbrika f’Manchester u fl-1800 xtara fabbrika fl-Iskozja. Huwa ried li minn dawn il-fabbriki joħloq mudell mill-aqwa tar-relazzjoni bejn il-ħaddiem u s-sid. Beda jipprovdi dar diċenti, kura tas-saħħa, skejjel u mħażen lill-ħaddiema mingħajr ma jfittex qliegħ minn għandhom.

Beda jiżviluppa wkoll idejat biex jinħolqu koperattivi żgħar fil-postijiet fejn jgħixu n-nies biex jingħata x-xogħol lil min ikun qigħed. Huwa esperimenta bil-koperattivi fl-Amerka ta’ Fuq, iżda dan għamlu mingħajr suċċess. Wara dawwar l-enerġija tiegħu fuq il-moviment trejdjunjonistiku li beda jinbet dak iż-żmien fl-Ingilterra. Għalkemm ma kienx ta’ ħsieb profond huwa wasal biex ta xejra umanista lill-moviment soċjalista fl-Ingilterra.

Soċjalisti Utopiċi (lura fi Franza)

Fil-bidu tas-seklu dsatax tfaċċaw l’hekk imsejħa Soċjalisti Utopiċi. Influwenti ħafna fuq din l-iskola ta’ ħsieb insibu lil Saint-Simon (1760-1825). Dawn evolvew l-ideat ta’ Russeau u Babeuf u riedu li s-soċjeta’ tinbena mill-ġdid fuq prinċipji ta’ ġustizzja ekonomika. Saint-Simon kien jemfasizza fuq is-solidarjeta’ qalb il-forzi produttivi tas-soċjeta’, u li s-soċjeta’ għandha tingħata struttura ġdida bbażata fuq il-qasma eżistenti ta’ bejn dawk li jagħmlu xogħlijiet differenti. Wara l-mewt tiegħu, id-dixxipli li segwewh immexxija minn Enfantin (1796-1864) ħarġu bi programm ta’ ideat li fost oħrajn kien jinkludi l-abolizzjoni tal-propjeta’ privata u l-kontroll pubbliku fuq il-mezzi tal-produzzjoni.

Blanqui

Fil-maġġoranza tagħhom, is-Soċjalisti Utopiċi, ma kienux jemmnu fil-vjolenza u fil-konfrontazzjoni ma’ l-ordni stabbilita tal-poter. Għal kuntrarju ta’ dawn kien hemm ħafna rivoluzzjonarji, orjentati lejn is-soċjaliżmu, li kienu jemmnu li huwa biss bit-twaqqigħ tal-gvern li tista’ tasal biex toħloq soċjeta’ aktar ġusta.

Dawn it-tattiċi ta’ konfrontazzjoni kienu mħaddma minn Louis-Auguste Blanqui (1805-1881). Blanqui kien jara lill-gvern u lill-industrijalisti bħala l-isfruttaturi tas-soċjeta’. Biex jiġġieled dan il-poter ta’ l-isfruttatur huwa għaqqad il-filosofiji tal-Ġakobini, ta’ Babeuf u ta’ Saint-Simon ma’ azzjonijiet rivoluzzjonarji diretti.

Blanc


Mill-banda l-oħra Louis Blanc (1811-1882) permezz tal-kitba tiegħu L-Organizzazzjoni tax-Xogħol (1840) wasal biex iwaħħad l-argument ekonomiku tas-soċjaliżmu biex jitħaddem f’soċjeta’ demokratika. B’hekk Blanc sab kompromess bejn il-passiviżmu tas-Soċjalisti Utopiċi u l-filosofija rivoluzzjonarja ta’ Blanqui.

Il-programm tiegħu kien ibbażat fuq is-sistema ta’ kumpaniji statali li l-politika tagħhom tkun iddettata mill-ħaddiema u mhux mis-sidien kapitalisti. Wara r-Rivoluzzjoni ta’ l-1848 Blanc wasal biex ikun maħtur membru tal-Gvern Proviżorju, fejn hemmhekk prova jwettaq dak illi diġa’ kien fassal fi ħsiebu. Il-fabbriki statali bdew jiffunzjonaw u l-Assemblea Nazzjonali bdiet tarahom ta’ theddida peress li ħasbu li dawn setgħu iwasslu għal soċjeta’ soċjalista. Meta l-Gvern mar biex jagħlaqhom kien hemm l-irvellijiet u ġiet imsejħa l-armata biex tintervjeni. Eluf mietu, ħdax-il elf ġew deportati lejn kolonji Franċiżi u Blanc irnexxielu jaħrab lejn l-Ingilterra.

B’hekk nistgħu ngħidu li Ġunju 1848 kellu jkun l-għeluq ta’ l-ewwel kapitlu tal-movimenti soċjalisti li kienu qed jinbtu fl-Ewropa. Il-perjodu li għadna kif tfajna ħarsitna fuqu kien għadu ma tax struttura xjentifika lis-soċjaliżmu. Dan kien is-soċjaliżmu ta’ qabel Marx daħal jagħmel parti mill-kamp tal-filosfi politiċi soċjalisti.

Karl Marx

Għalkemm l-Ingilterra u Franza raw il-ħolqien ta’ żerriegħa differenti ta’ soċjaliżmu jitfaċċaw fi ħdanhom, ħassieba kbar fil-Ġermanja, bħal Feuerbach u Hegel, kienu qed jimirħu f’filosofiji li servew ta’ kontribut kbir għat-teorija soċjalista. Infatti kellu jkun il-Ġermaniż b’dixxendenza Lhudija Karl Marx, li poġġa fit-teorija il-ħsieb soċjalista.

Marx kellu l-ewwel jiltaqa’ mar-radikaliżmu ta’ Hegel, il-materjaliżmu ta’ Feuerbach u personalment ma’ Moses Hess biex jintefa’ fil-kamp soċjalista. F’Settembru 1844 Engels u Marx iltaqgħu f’Pariġi. Din l-isħubija intelletwali damet kważi erbgħin sena u rnexxielha tipproduċi l-qafas teoretiku tas-soċjaliżmu; u anke tatna mod ġdid ta’ kif inħarsu lejn l-istorja.

F’dawk iż-żminijiet, fejn ir-ripressjoni kienet xi ħaġa komuni, kellek ħafna soċjetajiet sigrieti. Il-Lega Kommunista kienet waħda minnhom. Marx kien jifrekwenta lilha, bir-rivali tiegħu Proudhon (Franċiż) u Bakunin (Russu) ikunu membri ta’ l-istess Lega. Marx ġie fdat li jikteb il-manifest ta’ din il-lega, u f’dan il-Manifest Kommunista, miktub minn Marx bl-għajnuna ta’ Engels jispikka l-lingwaġġ konfrontazzjonali u rivoluzzjonarju. Dan juri li fl-istorja il-konfront bejn il-proletarjat (il-ħaddiema – dawk li biex jgħixu jiddependu mill-paga) u l-borgeżija (is-sidien tal-propjeta’ u l-mezzi tal-produzzjoni) ma nistgħux ngħaddu mingħajru. Fil-Manifest, il-Kommunisti jissejħu “l-avant garde tal-proletarjat”, jiġifieri dawk li qiegħdin l-aktar ‘l quddiem fil-ħsieb fost (u/jew għall-) il-klassi tal-ħaddiema .

Fil-kitba Marxista joħroġ biċ-ċar li l-akbar ħtieġa ta’ solidarjeta’ għandha tkun fost il-klassi proletarja u mhux fost persuni li jappartjenu għall-istess nazzjonalita’. Il-perċezzjoni li Marx kellu tas-soċjaliżmu kienet dik ta’ ideoloġija li fundamentalment toriġina mill-ħtieġa li jkun hemm titjib fil-kundizzjoni umana.

Bil-kitba tad-Das Kapital Marx joffri r-raġunijiet validi sabiex isseħħ ir-rivoluzzjoni li twassal biex jitneħħa l-Kapitaliżmu u d-differenzi bejn il-klassijiet soċjo-ekonomiċi. B’hekk ma jkunx hemm sfruttar ta’ klassi fuq oħra, u tinħoloq soċjeta’ ġusta.

Għeluq

B’dan rajna kif is-soċjaliżmu beda bħala analiżi ta’ l-inugwaljanza permezz ta’ Russeau u żviluppa f’analiżi xjentifika profonda permezz ta’ Marx. L-iskejjel tal-ħsieb soċjalisti huma varji iżda kollha jfittxu li joffru alternattiva għall-inġustizzji ekonomiċi u soċjali tal-kapitaliżmu.

Min ma jkunx jaf minn fejn hu ġej, daqstant ieħor ma jistax ikun jaf fejn huwa sejjer. Huwa tajjeb li nħarsu lejn l-għeruq tax-xitla soċjalista, għaliex b’hekk inkunu nistgħu nifhmu aħjar x’inhi dik l-istruttura tal-ħsieb li tħallina nitħabtu sabiex ikun hawn il-ġustizzja soċjali u l-ugwaljanza f’pajjiżna. Għalkemm il-ħsibijiet ta’ dawn il-filosfi li għadna kemm tħadditna dwarhom ma jagħtuniex tweġiba sħiħa għall-mistoqsijiet li qed tpoġġielna s-soċjeta’ fi żmienna, ċertament li jistgħu ikunu uħud mill-għodod li nistgħu nużaw fir-rieda tagħna li nagħmlu dan.